Lokali

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jikkundanna t-theddid li sar fuq David Casa

Il-Kap tal-PN Adrian Delia kkundanna l-approvazzjoni permezz ta’ like tal-Ministru tal-Finanzi għall-kumment li l-MEP David Casa għandu jingħata l-forka.

Il-Ministru tal-Finanzi ħeġġeġ diskors ta’ mibgħeda fil-konfront tal-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista David Casa. Mhux talli hekk talli, fuq Facebook, hu saħansitra approva diskors li nkiteb Casa meta approva b’Like.

Għal kitba tal-Ministru Scicluna bi kritika kontra Casa, ċertu Mansueto Briffa wieġeb b’attakk personali u dirett kontra l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew, tant li qal li David Casa “għandu bżonn il-forka”. Kien għal dan il-kumment li Edward Scicluna għafas Like, f’indikazzjoni ċara li hu jaqbel mad-dikjarazzjoni miktuba.

Fi stqarrija wrara dan l-attakk, David Casa qal li l-attitudni tal-Ministu Scicluna għandha tiġi kkundannata. Fil-ġimgħat li għaddew, Edward Scicluna sab ma’ wiċċu kritika qawwija għall-mod kif mexxa s-sitwazzjoni dwar il-Bank Pilatus, hekk kif hu kien il-persuna politikament responsabbli.

Iżda minflok ma refa’ r-responsabbiltà politika, Edward Scicluna għażel li jattakkani fuq Facebook, tenna l-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew. Casa qal li l-kitba ta’ Scicluna wasslet għal numru ta’ messaġġi ta’ mibgħeda, fosthom ta’ dak li appella biex Casa jingħata l-forka. U aktar minhekk, dan il-messaġġ sab ukoll l-appoġġ tal-Ministru nnifsu.

David Casa qal li din l-azzjoni taqbeż il-linja, ma titwemminx, hi perikoua u att kriminali. L-appell għall-mewt tiegħi ilu fuq il-profil tal-Ministru Edward Scicluna fuq Facebook għal aktar minn 15-il siegħa, tenna. Għaldaqstant, se jkun qed jirrapporta mal-Pulizija lil Mansueto Briffa u lill-Ministru li appoġġjah.

Il-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew temm jgħid li l-Ministru tal-Finanzi ppermetta li jkun parti minn ħidma biex jagħlqu ħalq kulmin qed jaħdem għall-ġustizzja u l-akkontabbiltà. L-attitudni ta’ Edward Scicluna tfisser theddida serja lis-settur finanzjarju u lill-eluf li jgħixu bis-saħħa ta’ dan is-settur.