Futbol Sport

FILMAT: Illum jibda l-Kampjonat BOV Premier bi tliet partiti

Illum jingħata bidu għall-Kampjonat BOV Premier bi tliet partiti llum u erbgħa oħra għada, bil-partitissima tal-ġimgħa se tkun dik bejn Birkirkara u Balzan żewġ timijiet li mistennija jisfidaw għar-rebħ tal-kampjonat. Fost il-konfronti l-oħra li mistennija jkunu interessanti hemm dak bejn iċ-champions Valletta u Sliema Wanderers, kif ukoll dik bejn Ħamrun Spartans u Floriana.

Birkirkara v Balzan

It-tmiem tal-istaġun li għadda għal Balzan kien diżappuntanti fejn minn possibbiltà ta’ double spiċċaw biex baqgħu b’idejhom vojta. Wara l-prestazzjonijiet pożittivi fl-Europa League u aktar akkwisti li saħħew l-iskwadra, Balzan se jfittxu li jibdew bil-kbir billi jegħlbu tim tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika.

Il-kowċ Marco Micovic żied ħames plejers ġodda fl-iskwadra u probabbilment għandu l-itwal skwadra fil-kampjonat. Birkirkara wkoll kienu attivi fis-suq tat-trasferimenti bl-akkwist ta’ diversi plejers barranin kif ukoll l-akkwist tal-Maltin Michael Mifsud u Paul Fenech li se jżidu l-esperjenza fit-tim. Ironikament Fenech se jilgħab kontra l-eks tim tiegħu.

Fl-istaġun li għadda, Balzan rebħu ż-żewġ konfronti, u l-kowċ ta’ Birkirkara Paul Zammit jittama li t-tim jibda mill-ewwel fuq nota pożittiva kontra dak li seħħ l-istaġun li għadda.

Hibernians v Pietà H.

Il-konfront bejn dawn it-tnejn hu partikolari hekk kif minkejja li Hibernians jibdew favoriti, il-klabb Pawlisti kellu tibdila li wieħed irid jara kif se tħalli effett fuq it-tim.

Huma għandhom lit-Taljan Stefano Sanderra bħala kowċ li għalih hi l-ewwel esperjenza f’pajjiżna. Huma tilfu plejers bħal Clayton Failla, Rodolfo Soares u Jorginho filwaqt li ftit spikkaw fit-trasferimenti.

L-għan ta’ Pietà hi s-salvazzjoni u żgur li se jfittxu l-punti kemm jista’ jkun fil-bidu biex iserrħu rashom kmieni, f’dak li mistenni jkun staġun diffiċli għalihom. Huma għamlu akkwisti ta’ plejers bħal Nicky Vella, Antonio Machedo Neto mingħand Gżira Unitedu l-attakkant li kien prolifiku fl-Ewwel Diviżjoni Paul Chimezie.

Qormi v Senglea A.

Qormi jittamaw li jibdew fuq nota tajba fir-ritorn tagħhom fil-Premier, bl-għan hu li jżommu posthom. Senglea għandhom l-istess għan wara li kellhom staġun pożittiv l-istaġun li għadda.

Qormi pruvaw jagħmlu xi irtokki mingħajr ħafna spejjeż biex il-kowċ Brian Spiteri jkollu tim aħjar, filwaqt li Senglea kienu pjuttost kwieti fis-suq tat-trasferimenti fejn anki tilfu xi plejers.

L-ewwel ġurnata

Il-Ġimgħa 17 ta’ Awwissu 2018

Victor Tedesco Stadium

Qormi v Senglea A.         6.30pm

Hibernians v Pietà H.     8.45pm

Stadium Nazzjonali

Birkirkara v Balzan         7.00pm

Is-Sibt 18 ta’ Awwissu 2018

Stadium Nazzjonali

Ħamrun S. v Floriana    6.30pm

Sliema W. v Valletta       8.30pm

Victor Tedesco Stadium

Mosta v St. Andrews     6.30pm

Tarxien R. v Gżira U.    8.45pm