Sport Waterpolo

Illum tintemm l-ewwel fażi tal-Kampjonat Premier bi tliet partiti missielta

Jake Tanti jipprova jimblokka fuq Christian Presciutti (Ritratt: Matthew Tabone)

Illum fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq jitkompla l-Kampjonat BOV Premier bl-aħħar tliet partiti mill-ewwel fażi tal-kampjonat. Tliet konfronti li mistennija jkunu bilanċjati, bl-aktar waħda mistennija tkun l-aħħar waħda fil-programm bejn iċ-champions San Ġiljan TUM Invest u Neptunes Leo Vegas.

San Ġiljan ilhom 52 logħba mhux megħluba u huma l-uniku tim bla telfa f’dan il-kampjonat. Iżda fl-aħħar logħbiet sabuha diffiċli biex jesprimu l-aħjar logħob u kisbu żewġ rebħiet lejn it-tmiem ta’ 9-8 kontra Sliema u Sirens.

Neptunes dehru li se jkunu l-aktar sfidant ta’ San Ġiljan, iżda huma sofrew telfa sorpriża fl-aħħar logħba kontra Exiles, li wasslet biex qed jirriskjaw serjament li ma jispiċċawx l-ewwel fażi mal-ewwel tnejn, li jfisser li jkollhom jilagħbu rawnd ieħor ta’ play-offs. Fl-ewwel rawnd il-logħba bejn dawn it-tnejn kienet intemmet 10-10 f’dik li possibbilment kienet l-isbaħ logħba tal-istaġun.

Jekk Neptunes għandhom konfront diffiċli, l-istess diskors jista’ jingħad għal Sliema Frank Salt li jaffrontaw lil Exiles Elia Caterers, b’dawn tal-aħħar kisbu l-ewwel rebħa fl-istorja tal-klabb kontra Neptunes fl-aħħar logħba.

Il-prestazzjonijiet ta’ Exiles fil-kampjonat kollox ma’ kollox kienu pożittivi u bla dubju li huma s-sorpriża pożittiva tal-kampjonat. Il-pożizzjoni tagħhom fil-klassifika mhux se tinbidel u għalhekk se jkunu qed ifittxu riżultat biex ikomplu jtejbu l-logħob tagħhom.

Sliema urew titjib mill-aħħar staġun, b’Sergio Afric jaħdem aktar mat-tim speċjalment fil-fażi difensiva, b’gowlkiper bħal Joseph Sammut jispikka f’xi partiti. It-tieni post sa issa jkun tajjeb għalihom biex jevitaw rawnd u għalhekk ikunu jistgħu jippreparaw aħjar bl-għan li jirbħu l-kampjonat għall-ewwel darba mill-2009.

Fil-logħba l-oħra, Sirens Greentube u Valletta Videoslots jilagħbu kontra xulxin f’dak li hu konfront bejn żewġ timijiet li ddiżappuntaw. Sirens kien mistenni ferm aktar minnhom wara t-tielet post miksub fl-aħħar kampjonat u t-tieni post fil-kampjonat tax-xitwa.

Iżda fl-aħħar logħba kontra San Ġiljan deher li t-tamiet li t-tim għadu jista’ jibdel ir-rotta għadhom mhux mitmuma u l-konfront kontra Valletta jista’ jkun dak ġust biex ikomplu jibnu għall-play-offs, li kif jindika l-format tal-kampjonat jista’ jtihom ċans li jirkupraw

Valletta kellhom prestazzjoni tajba kontra Exiles fejn għandhom iħossuhom diżappuntati li ma ħarġux bit-tliet punti. Iżda t-telfa kontra Sliema tidher li l-logħba kontra Exiles setgħet kienet ta’ darba. Il-kowċ Bogdan Rath żgur li se jistenna li jiġbru l-punti minn din il-logħba biex jittamaw fi tmiem tal-istaġun aħjar.

Logħob li jmiss

Illum

Exiles v Sliema                5.30pm

Sirens v Valletta              6.45pm

San Ġiljan v Neptunes   8.00pm