Sport Waterpolo

L-ewwel sessjoni determinanti fir-rebħa ta’ Sirens

(Ritratt: Martin Agius)

SIRENS GREENTUBE……….. 11

VALLETTA VIDEOSLOTS…… 8

(5-2), (1-1), (2-3), (3-2)

Sirens Greentube kisbu t-tieni rebħa fil-kampjonat meta għat-tieni darba għelbu lil Valletta 11-8, skor li inċidentalment kien l-istess wieħed tal-ewwel rawnd. Id-differenza spiċċat biex kienet il-gowls ta’ Sirens fil-bidu, b’Valletta jkollhom jiġru wara r-riżultat, xi ħaġa li ma rnexxielhom jagħmlu.

Tripletta ta’ Nicolas Bicari poġġiet lil Sirens mill-ewwel b’vantaġġ tajjeb li setgħu jamministraw il-logħba. Marthon Toth wieġeb għal Valletta b’doppjetta, iżda Clint Mercieca u l-Kanadiż Bicari reġgħu taw vantaġġ ta’ tliet gowls lil Sirens fi tmiem l-ewwel sessjoni.

Marc Lanzon naqqas id-distakk b’gowl li seta’ ġie evitat, iżda x-xellugi Isaiah Riolo assigura li Sirens jibqgħu tliet gowls fuq quddiem.

Sirens naqqsu ftit mir-ritmu fit-tielet sessjoni iżda fl-ewwel parti tas-sessjoni Valletta ftit bdew jattakkaw il-lasta. Minkejja dan huma rnexxielhom jirbħu s-sessjoni u bdew l-aħħar waħda b’distakk ta’ żewġ gowls u b’ċans li jiksbu xi ħaġa mil-logħba.

Iżda dan iċ-ċans ssarraf biss f’tama għaliex Sirens dejjem kienu reattivi biex meta Valletta skorjaw, huma skorjaw warajhom b’doppjetta ta’ Isaiah Riolo u gowl ieħor ta’ Bicari li flimkien ma’ Marthon Toth spiċċaw l-aqwa skorers għat-timijiet tagħhom b’ħames gowls.

Sirens: N. Grixti, P. Privitera, E. Aquilina (1), N. Bicari (5), M. Grech, I. Riolo (3), C. Mercieca (2), J. Sciberras, J. Napier, J. Ciantar, L. Caruana, J. Brownrigg, Z. Bartolo

Valletta: R. Sciortino, J. Spiteri Staines (1), A. Agius, M. Mifsud (1), T. Agius, R. Mock, D. Paolella, M. Toth (5), A. Mifsud, C. Zammit, N. Bonello Ghio, L. Gialanze, M. Lanzon (1)

Referees: Alex De Raffaele, Marco Cataldi