Lokali

Reġistrata tilwima industrijali dwar il-ħlas lill-edukaturi ta’ Skola Sajf

Il-Union of Professional Educators – Voice of the Workers ħabbret tilwima industrijali dwar il-kwistjoni tal-ħlasijiet għall-edukaturi ta’ Skola Sajf.

Dan wara li Edukaturi li qed jaħdmu ma’ Skola Sajf u li bdew ix-xogħol tagħhom fit-12 ta’ Lulju mistennija jirċievu l-ewwel paga dovuta lilhom biss fis-7 ta’ Settembru.

Dan ijfisser li se jkunu ħadmu għal xahrejn qabel jirċievu l-paga u bi ksur tal-liġi, hekk kif l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali, f’Kapitlu 452 jgħid li “kull min iħaddem għandu jħallas jew jara li jitħallsu l-impjegati f’intervalli regolari li m’għandomx jqbżu l-erba’ ġimgħat.

Wara li fl-aħħar jiem il-Union of Professional Educators – Voice of the Workers appellat lill-awtoritajiet biex jieqfu jtawlu l-proċess biex japprovaw il-pagamenti dovuti lill-edukaturi, jidher li ma kien hemm l-ebda soluzzjoni.

Kien għalhekk li l-union kienet kostretta tħabbar tilwima industrijali għal dan id-dewmien li hu dovut għal reviżjoni fil-proċeduri tas-salarji.

Dan hekk kif, waqt li qabel kien hemm tliet dati ta’ pagamenti, dawn issa niżlu għal tnejn biss. Madankollu dan ifisser li intervall ta’ xahrejn imur kontra l-Att dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.

Dwar din il-kwistjoni mistenija żviluppi nhar it-Tlieta, hekk kif il-union se tiltaqa’ mal-Gvern bl-iskop li tkun riżolta l-kwistjoni u l-edukaturi jieħdu l-pagamenti dovuti lilhom fi żmien raġjonevoli.