Lokali

Gvern li lest jieħu azzjoni maż-żgħir iżda mhux li jħallas lura s-serq li jagħmel hu stess

Il-Gvern jhedded lill-bejjiegħa tal-pastizzi - imma mhux lest jagħti lura lin-nies il-flus li seraq hu stess mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma

Il-Gvern lest li jista jieħu azzjoni kontra l-bejjiegħa tal-pastizzi u dan meta l-Gvern stess issa ilu jisraq lin-nies bil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal aktar minn 3 snin.

Qal dan il-Partit Nazzjonalista permezz ta’ stqarrija ffirmata mill-Viċi Kap u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u l-Immaniġjar tal-Ilma David Agius wara li l-Gvern wissa li lest jieħu azzjoni kontra bejjiegħa tal-pastizzi li jifthiemu li jgħollu l-prezzijiet.

Il-Partit Nazzjonalista qal li n-nies għadhom qed iħallsu kontijiet tad-dawl u l-ilma aktar ogħla milli tgħid l-liġi u l-Gvern ghadu m’għamel xejn biex jirranġaw l-kontijiet.

Il-Partit Nazzjonalista irċieva madwar 1000 kont mingħand il-familji Maltin u Għawdxin u 80% minnhom jirriżulta li l-familji ħallsu aktar milli kellhom iħallsu għal dak li kkonsmaw.

Il-Partit Nazzjonalista qal li se jibqa’ jixpruna lil Gvern biex minnufih din s-sitwazzjoni titranġa u jagħti lura lill-familji l-flus li qed jisraqhom u jibgħat l-kontijiet tad-dawl u l-ilma kif suppost, orħos minn dawk tal-lum.

Il-Partit Nazzjonalista temm jgħid li jkun qed jieħu l-passi kollha neċessarji biex l-poplu ma jkomplix jinsteraq u lest li flimkien mal-konsumaturi jieħu dan l-każ l-Qorti.

Gvern gdid Nazzjonalista jkun lest li jagħti lura l-flus misruqa jekk dan ma jagħmlux il-Gvern, ittemm tgħid l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista.