Lokali

Il-Partit Nazzjonalista jsellem il-memorja ta’ Evelyn Vella Brincat

Tħabbret il-mewt ta’ Evelyn Vella Brincat li kienet membru tal-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista u President tal-Kulleġġ Kandidati tal-PN. Hija kienet ukoll minority leaderfil-Kunsill Lokali ta’ Pembroke u preżentattriċi ta’ programmi kemm fuq NET TV kif ukoll NET FM.

Fi stqarrija ffirmata mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli, il-Partit Nazzjonalista qal li jesprimi sogħba – u li jagħti l-kondoljanzi lill-familja u l-qraba tagħha.

Evelyn Vella Brincat kienet ilha attiva fil-politika għal numru ta’ snin u kkontestat ukoll l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Nazzjonalista. Hija kienet attiva ukoll fil-qasam volontarju fejn għamlet żmien membru tal-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa u membru fundatur tal-Metastatic Breast Cancer Malta Support Group fost l-oħrajn.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Evelyn Vella Brincat tibqa’ magħrufa għall-karattru twajjeb tagħha u li baqgħet sal-aħħar tiġġieled l-inġustizzji fis-soċjetà u favur id-drittijiet tal-annimali.

Anke l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, f’post fuq il-media soċjali, sellem il-memorja ta’ Evelyn Vella Brincat u ddeskriviha bħala pilastru li tul ħajjitha kienet tirrappreżenta s-saħħa.

Aġġornata

Il-Kulleġġ Kandidati tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija sellem il-memorja u rringrazzja lil President Evelyn Vella Brincat.

Hija serviet ta’ President għal dawn l-aħħar snin fejn ħadmet kontinwament minkejja l-battalja kontra l-marda li kellha.

Evelyn Vella Brincat tibqa’ magħrufa wkoll għad-determinazzjoni li kellha u għall-imħabba lejn l-annimali u id-drittijiet tagħhom.

Filwaqt li jesprimi sogħba, l-Kulleġġ Kandidati tal-PN jagħti l-kondoljanzi lill-familja u l-qraba tagħha.

Fi stqarrija, il-President u l-kumitat tal-Moviment Nisa Partit Nazzjonalista (MNPN) jixtiequ jwasslu l-kondoljanzi lill-familja u l-qraba ta’ Evelyn Vella Brincat. Evelyn Vella Brincat għamlet żmien teżoriera f’din il-fergħa tal-Partit Nazzjonalista. Evelyn Vella Brincat kienet attiva ferm fil-politika fi ħdan il-partit u kienet ta’ inspirazzjoni għal ħafna. Tul il-battalja mal-marda kiefra tal-kanċer hi dejjem mxiet b’attitudni pożittiva u bi tbissima. Evelyn se tibqa’ magħrufa bħala persuna li tant ħabbet il-ħajja u ta’ perservenza li tirbaħ.