Lokali

RITRATTI: Ġnien fil-Marsa jinbidel f’dormitorju … persuni reqdin fuq l-għatba tal-Kunsill

Sitwazzjoni bla kontroll fil-Marsa, minkejja l-wegħdi li l-lokalità se tkun mgħassa aħjar kontra l-illegalitajiet.

Diversi ritratti li waslu għand dan l-istazzjon fl-aħħar jiem juru ksur ta’ liġi sfaċċat u quddiem għajnejn kulħadd. Saħansitra fuq l-għatba tal-Kunsill Lokali, fejn fl-aħħar jiem kien hemm persuni rieqda matul il-lejl tant li kellhom jittieħdu passi mill-Pulizija.

Fost oħrajn fil-ġnien biswit Triq Diċembru 13, fejn sa minn filgħodu wieħed jista’ jinnota bċejjeċ tal-kartun iservu bħala sodda, bl-imħadda fuqhom lesti għal-lejl. Dan il-ġnien sar il-mekka tal-illegalitajiet, tant li fl-istess ritratt jidhru bottijiet tal-birra minkejja li hu llegali li jkun hemm xorb alkoħoliku f’post li suppost jintuża mit-tfal. It-tipjip, li wkoll hu llegali fil-ġonna, sar in-normalità.

Dan fl-istess waqt li fil-lokalità fl-aħħar jiem seħħew diversi argumenti. Il-Ħadd biss, għall-ħabta tas-1:00am seħħet ġlieda fil-Marsa hekk kif argument bejn żewġ irġiel u mara lkoll Afrikani skala tant li twaddbu fliexken tal-birra u oġġetti oħra, bil-mara tispiċċa l-isptar. Ftit qabel ġewwa l-Marsa stess, inqala’ argument ieħor bejn żewġ nisa’ fi Triq il-Marsa. Fuq il-post issejħu numru ta’ Pulizija tal-RIU biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.

Is-serq ukoll sar in-normalità, b’wieħed mill-iktar każi riċenti jkun il-Ħamis li għadda, meta persuni nnutaw lil raġel dieħel fi proprjetà fi Triq Sant’Antnin minn fejn seraq xi għodda. Il-Pulizija ma laħqux waslu, bir-raġel jaħrab mill-post.

Persuni li tkellmu ma’ Net News iddeskrivew kif iħossuhom abbandunati mill-awtoritajiet. Fakkru kif is-sena li għaddiet fit-toroq Marsin dehru saħansitra s-suldati biex jikkontrollaw sitwazzjoni li kienet ħarbet minn taħt idejn l-awtoritajiet iżda qalulna li issa s-sitwazzjoni hi fl-istess livell jekk mhux agħar.

L-istess persuni li tkellmu magħna, u oħrajn li għamlu dan fil-grupp Il-Marsa Illum staqsew “fejn huma s-suldati li wiegħed il-Ministru” waqt li oħrajn qalu li s-suldati li ntbagħtu għal ftit jiem is-sena li għaddiet intużaw biss bħala spettaklu biex jagħlqu ħalq il-Marsin.