Lokali Qorti

Turist Spanjol jeħel €800 minkejja li insista kellu l-ħaxixa mediċinali bir-riċetta

Lill-Pulizija, ir-raġel Spanjol qal li hu għandu riċetta għall-ħaxixa mediċinali biex ittaffi l-uġigħ kroniku li għandu

Passiġġier Spanjol ta’ cruise liner li niżel Malta ġie mmultat talli ġab miegħu ħaxixa għall-użu mediċinali.

Fernando Torne Sanz ta’ 54 sena minn Barċellona, deher quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech – akkużat b’importazzjoni u pussess ta’ kannabis.

L-ispettur Alfredo Mangion fil-Qorti qal, li l-akkużat prova jispjega mal-Pulizija li l-kannabis kienet legali u ingħata r-riċetta għaliha biex itaffi mill-uġigħ kroniku li jbati minnu. L-akkużat kien qal li nesa’ jħalli s-sustanza ta’ kannabis fil-kabina tiegħu fuq il-cruise liner – u minflok niżżlu miegħu fuq l-art. L-ispettur qal li sabu 18.2 grammi ta’ kannabis li kienu għall-użu personali.

Intant, il-Pulizija fi stqarrija qalu li l-kannabis misjuba fuq ir-raġel ma taqax taħt id-definizzjoni ta’ kannabis għall-użu mediċinali skont il-liġijiet ta’ Malta.

Fil-Qorti, l-akkużat Spanjol li deher quddiem il-Maġistrat b’bastun u ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih. L-avukat tal-għajnuna legali Noel Bartolo, għan-nom tal-akkużat, stqarr li penali monetarja tkun xierqa fiċ-ċirkostanzi – hekk kif l-akkużat Spanjol kien diġa’ tilef il-vjaġġ fuq il-vapur.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ordnat li l-akkużat Spanjol jiġi mmultat €800 u li s-sustanza tad-droga tiġi distrutta.