Lokali

Il-Pulizija jerġgħu jinżlu fil-Marsa – ir-residenti jħejju għal protesta mill-ġdid

Pulizija minn diversi sezzjonijiet tal-Korp, b’mod speċjali mis-Sezzjoni tal-Immigrazzjoni, fl-aħħar jiem reġgħu qed iduru l-Marsa jwettqu spezzjonijiet fuq l-immigranti.

F’dawn il-jiem filfatt f’diversi żoni tal-Marsa deher ammont kbir ta’ Pulizija javviċinaw lill-immigranti, b’uħud minnhom li nġabru għal iktar investigazzjonijiet.

Ħidma simili kienet saret f’April tas-sena li għaddiet, meta kienu ġew arrestati 84 immigrant miż-żona tar-roundabout fejn soltu dawn l-immigranti jkunu qed jistennew għax-xogħol.

Dakinhar, mill-84 persuna li nġabru ma kienu ttieħdu passi kontra ħadd, hekk kif instab li kollha kellhom id-dokumenti rilevanti biex ikunu f’pajjiżna.

Fl-aħħar jiem is-sitwazzjoni reġgħet telgħet fuq nett tal-aġenda wara li nstabu mal-120 immigrant jorqdu f’razzett tal-baqar f’Ħal Qormi. Dawn instab li kienu f’pajjiżna b’permess ta’ residenza temporanju maħruġ mill-Italja, li bih setgħu jidħlu f’pajjiżna b’mod legali imma mhux jaħdmu.

Il-preżenza tal-Pulizija intensifikat anke wara li jumejn ilu, Net News tkellem dwar is-sitwazzjoni bla kontroll li qed tiżviluppa, fost oħrajn b’immigranti jokkupaw ġnien pubbliku li sar dormitorju u saħansitra raġel li raqad fuq l-għatba tal-Kunsill.

Il-Ħamis, Net News reġa’ żar dan il-ġnien biswit Triq Diċembru Tlettax, fejn sal-għaxra u nofs ta’ filgħodu stajna ninnutaw persuni għadom reqdin barra.

Din is-sitwazzjoni qed tippersisti, bil-Ħamis filgħaxija l-Pulizija jissejħu biex ineħħu immigrant rieqed fuq għatba ta’ residenza privata.

Net News hu nfurmat li r-residenti Marsin saħansitra qed jippjanaw li ssir proptesta oħra, organizzata minnhom, u li fost il-messaġġi li se jitwassal hu li l-Marsin iħossuhom abbandunati u li huma mxebbgħin.