Lokali Qorti

Anzjan għall-ħabs wara li abbuża żewġ subien sesswalment

Kien iħallashom bl-ikel talli jagħmlu fuqu sess orali

Anzjan li abbuża sesswalment żewġ subien ta’ 15-il sena intbagħat tliet snin ħabs wara li ammetta l-akkużi kontrih.

John Zammit ta’ 70 sena tressaq il-Qorti akkużat li abbuża mis-subien b’mod sesswali meta kien iħallashom bi flus u ikel talli s-subien kienu jagħmlu fuqu sess orali.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Joseph Busuttil li fil-Qorti spjega li l-Pulizija saret taf bil-każ wara tip-off anonimu. Eventwalment, ir-raġel li kien jaħdem ukoll part-time f’ħanut tal-pastizzi, ġie arrestat u interrogat fejn ammetta l-każ.

Il-Qorti kienet preseduta mill-Maġistrat Audrey Demicoli meta fil-Qorti ħareġ li r-raġel kien involut f’dawn l-attivitajiet sesswali mas-subien tal-anqas ħames darbiet – tliet darbiet ma’ wieħed u darbtejn ma’ ieħor.

Ħareġ ukoll kif l-istess anzjan kien involut ukoll f’attivitajiet sesswali ma’ żewġ żgħażagħ oħra, iżda peress li dawn kellhom 16-il sena, ma setgħu jittieħdu l-ebda passi peress li legalment setgħu jagħtu l-kunsens tagħhom.

L-anzjan kien assistit mill-Avukat tal-Għajnuna Legali Dustin Camilleri li talab lill-Qorti tagħti lir-raġel sentenza sospiża minħabba li kellu kondotta nadifa. Madanakollu, il-Qorti ma laqgħatx din it-talba u bagħtet lir-raġel tliet snin ħabs.