Lokali

FILMAT: Irridu soċjetà li jimpurtaha mill-kwalità tal-ħajja li toffri għajxien aħjar lin-nies – Adrian Delia

“Il-Gvern jinsab f’konfużjoni biex jispjega l-proċedura li ntużat fl-għoti tal-kuntratt tal-estensjoni ta’ San Vinċenz. Għalkemm il-Partit Laburista qed jagħti impressjoni differenti, l-Oppożizzjoni trid li l-Awditur Ġenerali jinvestiga jekk il-proċeduri li ntużaw kienux skont il-liġi”. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal dan waqt intervista fuq NET FM.

Dr Delia qal li l-Partit Nazzjonalista qed jitlob lill-Awditur Ġenerali jinvestiga l-kuntratt għall-estensjoni ta’ 500 sodda f’San Vinċenz biex jiċċara l-fatti dwar il-proċedura li ntużat għat-tmexxija ta’ din l-estensjoni li għad trid tinbena. Huwa qal li fid-dawl li l-Gvern baqa’ ma ċċarax is-sitwazzjoni, l-Oppożizzjoni permezz tat-tliet membri tagħha fil-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi, se tkun qed titlob lill-Awditur jinvestiga l-kuntratt f’ġieħ it-trasparenza u l-governanza tajba.

Dan meta ngħata direct order ta’ €274 miljun għall-bini tal-estensjoni f’San Vinċenz u wara li kelliem għall-Ministeru għall-Finanzi qal li l-Ministeru ma kienx approva din id-direct order u ntalab rapport, wara li l-Ministru Edward Scicluna qal li ma kienx jaf b’dan it-tenderta’ aktar minn kwart ta’ biljun ewro. Dr Delia qal li l-Oppożizzjoni ma tikkritikax il-kuntratturi jew lin-negozjanti iżda se tibqa’ tkun viġilanti fuq il-ħidma tal-Gvern u fejn ikun hemm it-tgerfix titlob lill-Awtoritajiet sabiex jinvestigaw.

Adrian Delia qal li t-taħwid min-naħa tal-Gvern deher ukoll fil-mod kif b’għaġla daħħal l-Avviż Legali dwar tibdil fil-leavetal-ħaddiema. Dan sar mingħajr diskussjoni serja bejn rappreżentanti ta’ min jaħdem u min iħaddem biex jitfasslu proposti konkreti u sostenibbli, li wassal biex il-Gvern kellu jirtira l-Avviż Legali ftit jiem biss wara. Huwa eżempju ċar kif il-Gvern miexi mingħajr pjan u mingħajr konsultazzjoni mal-imsieħba soċjali għax ma jemminx fid-djalogu soċjali.

Dwar il-każijiet riċenti tal-immigrazzjoni, Adrian Delia sostna li jgħid x’jgħid il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-immigranti se jibqgħu jiġu mill-Afrika lejn l-Ewropa. Huwa qal li sfortuntament hemm nies li jitilfu ħajjithom fil-vjaġġ tagħhom fil-baħar Mediterran. Din traġedja umana. Joseph Muscat mhux jikkonvinċi biżżejjed l-Ewropa sabiex tagħmel aktar għall-isfida tal-immigrazzjoni, li hija waħda tal-Unjoni Ewropea kollha. Huwa qal li jeħtieġ li nindirizzaw il-problemi li l-immigrazzjoni qed toħloq fil-lokalitajiet bħalma hi l-Marsa. Dr Delia qal li l-Gvern nesa’ l-Marsin u għalhekk l-Oppożizzjoni se tkun qed toffri s-soluzzjonijiet sabiex ikun hemm aktar sigurtà fil-lokalitajiet u biex il-ġonna ma jispiċċawx b’immigranti għax ikunu bla saqaf fuq rashom. Il-Marsin għandhom id-dritt jgawdu r-raħal tagħhom u li jkollhom is-sigurtà sħiħa fil-lokalità.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li din is-sitwazzjoni hija riżultat tal-immigrazzjoni bla pjan, li s-sena li għaddiet fissret 15,000 immigrant, f’ekonomija li qed tikber bil-popolazzjoni u mhux bil-produzzjoni. Adrian Delia qal li l-Gvern iżda mhux iqis l-impatt li dan kollu qed iħalli fuq oqsma bħall-pagi, l-infrastruttura, t-traffiku u l-ambjent ta’ pajjiżna. Il-Partit Nazzjonalista jrid li uliedna jkollhom ambjent sabih u nadif u li ma jibqgħux jimirdu bit-trabijiet u bid-duħħan fejn ir-riżorsi naturali bħall-ilma, ir-riħ u x-xemx jintużaw b’mod ferm aktar effettiv għall-ġenerazzjoni ta’ enerġija aktar nadifa.

Dr Delia tkellem dwar il-każ li żvelat il-midja li l-President tal-Veneżwela Nicolas Maduro u persuni qrib tiegħu allegatament ħaslu €511 miljun f’pajjiżna. Din hija konsegwenza li sfortunatament Malta qed issir attraenti mhux għall-investituri serji iżda għal dawk li jkunu jridu jagħmlu ħasil tal-flus. Dr Delia qal li din hija aħbar li ttappan ir-reputazzjoni tas-settur tas-servizzi finanzjarji f’Malta u li l-ħarsien tar-reputazzjoni ta’ dan is-settur mhix qed tittieħed bis-serjetà mill-Gvern. Dan meta issa hija responabbilità diretta tal-Prim Ministru Joseph Muscat.