Lokali Qorti

Pakkett tal-ħaxixa moħbi f’kaxxa mimlija popcorn u kotba mill-Istati Uniti

Uffiċjali tad-Dwana fil-Qorti spjegaw kif sabu aktar minn nofs kilogramma ħaxixa f’pakkett li kien iddikjarat li fih hemm erba’ kotba u popcorn, fejn qalu li huma ġiehom suspetti biex jiftħu biex jispezzjonaw il-pakkett hekk kif ħadd ma jordna l-pakketti tal-popcorn mill-Istati Uniti.

Fil-Qorti, tkompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Mandy Cassar, ta’ 29 sena mis-Swieqi, meta l-ġimgħa l-oħra tressqet akkużata b’importazzjoni ta’ droga.

L-Ispettur Joseph Xerri xehed li hu ġie infurmat minn uffiċjali tad-Dwana dwar pakkett suspettuż mill-Istati Uniti indirizzat lil ċertu Richard Calleja fil-Madliena. Meta nfetaħ il-pakkett, fih instab li hemm tliet kotba u pakkett bil-kannabis.

Mix-xhieda fil-Qorti, saru magħrufa wkoll id-dettalji ta’ ħidma undercover, fejn uffiċjal tal-Pulizija libes ta’ pustier u wassal pakkett finta fl-indirizz tad-destinazzjoni. Hekk kif infetaħ il-bieb, l-uffiċjal tal-Pulizija undercover staqsa għal Richard Calleja – bil-mara li fetħet il-bieb tiċċassa għal ftit sekondi, iżda mat-tieni mistoqsija għal Richard Calleja l-mara ffirmat il-pakkett.

L-istess Pulizija ftit tal-minuti wara, biddel bl-uniformi, ħabbat il-bieb u daħal ifittex fir-residenza fis-Swieqi – fejn sab il-pakkett finta miftuħ fuq is-sodda.

Mandy Cassar ċaħdet li hi ordnat il-pakkett u qalet li fetħitu għaliex għelbitha l-kurżita.

Fil-Qorti xehed ukoll l-espert imqabbad, l-ispiżjar Godwin Sammut, fejn ikkonferma li l-ammont kien ta’ 500 kilogramma, b’purita ta’ 28% u b’valur fis-suq ikun stmat bejn €5000 and €14,000.

Wara li semgħet ix-xhieda miġjuba, il-Maġistrat Doreen Clarke ordnat li l-akkużata tinħeles mill-arrest wara li titħallas garanzija personali ta’ €6,000 u depożitu l-Qorti ta’ €2,000.

Minbarra f’hekk, Mandy Cassar se jkollha tiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-għassa, u tosserva l-curfew. L-avukati difensuri Franco Debono u Yanika Vidal dehru għan-nom tal-akkużata.