Edukazzjoni Lokali

Minn skola ġdida kull sena bi Gvern Nazzjonalista għal skola posposta kull sena taħt Gvern Laburista

L-istudenti ta' San Pawl il-Baħar għadhom qed jistennew lill-Gvern jibda jibni l-ewwel sular

L-aħbar li t-tlestija ta’ skola primarja ġdida fil-Qawra reġgħet ġiet pospostat ikkonferma li fil-qasam tal-edukazzjoni pajjiżna mar lura minn skola ġdida kull sena bi Gvern Nazzjonalista għal skola posposta kull sena taħt Gvern Laburista.

Fi stqarrija maħruġa mill-kelliem għall-Edukazzjoni Clyde Puli, il-PN qal li din l-aħbar turi wkoll li l-Gvern m’għandux il-prijorità li jinvesti għall-futur ta’ uliedna imma li jaħtaf hu fil-preżent.

Tliet snin ilu, l-Gvern Laburista kien ħabbar b’pompa kbira li kien se jibni skola primarja ġdida fil-Qawra għall-popolazzjoni li qed tikber fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, u li issa qabżet l-20,000 ruħ.

Il-Gvern kien intrabat li din l-iskola ġdida kellha titlesta f’sentejn sal-2017 biex fiha jieħdu l-edukazzjoni bikrija tagħhom 500 tifel u tifla f’40 klassi. Din l-iskola kellha tgawdi minn parkeġġ għal 400 karozza, gym, pitchtal-futsal u żewġ courtstal-badminton.

Il-PN qal illi n-nies qed jistennew li għallinqas il-Gvern preżenti jżomm mal-pass tal-Gvern Nazzjonalista li fil-qasam tal-edukazzjoni kien qed ilesti u jiftaħ skola ġdida kull sena.

L-istudenti li qed jieħdu l-edukazzjoni tagħhom fl-iskejjel il-ġodda fl-inħawi Tal-Ħandaq f’Ħal Qormi, il-Verdala f’Bormla, il-Mosta, Pembroke, in-Naxxar, il-Kulleġġ San Benedittu f’Ħal Kirkop u f’Għawdex qed igawdu mill-investimenti ta’ Gvern Nazzjonalista fil-futur tagħhom.

Min-naħa l-oħra, l-istudenti li tliet snin ilu kienu mwiegħda skola ġdida fil-Qawra sas-sena l-oħra, għadhom qed jistennew lill-Gvern jibda jibni l-ewwel sular. I

“l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern investa fil-futur tan-nies fl-edukazzjoni bl-Università u bl-iskejjel, fit-taħriġ permezz tal-MCAST u fl-industriji ġodda, li llum huma l-pilastri tal-ekonomija Maltija”.