Lokali

ĠLIEDA KBIRA OĦRA: Jieqfu bil-vannijiet u jinżlu għalihom b’ġebel, skieken u ħadid

Xeni qishom ħerġin minn film tal-wildwest fil-Marsa meta matul il-lejl seħħet ġlieda kbira li fiha kienu involuti numru kbir ta’ barranin.

Il-ġlieda, li hija differenti minn dik li seħħet aktar kmieni f’Ħal Tarxien, seħħet fi Triq Isouard il-Marsa.

Persuni li raw kollox iseħħ minn djar u appartamenti fl-istess triq, qalulna li kien għall-ħabta tal-11.15 ta’ billejl meta żewġ vannijiet mimlija rġiel saqu b’ħeffa lejn terran li fih kien hemm madwar seba’ persuni reqdin.

Malli waslu bil-vannijiet, l-irġiel li kien hemm fihom, qabżu ‘l barra u b’ġirja waħda daħlu fit-terran armati b’ġebel u kanen tal-ħadid. Imbagħad, il-ġlieda kompliet barra t-triq.

Il-Pulizija kkonfermaw ukoll li fil-ġlieda ntużat arma li taqta’ bil-ponta, b’persuni li raw kollox jgħidulna li din ġiet elevata mill-Pulizija minn taħt karozza.

Il-Pulizija kkonfermaw li dawk kollha involuti fil-ġlieda kienu rġiel ta’ nazzjonalità Sirjana li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-22 sena u l-32 sena. Tnejn minn dawk involuti fil-ġlieda weġġgħu tant li kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura.

Il-Pulizija kkonfermaw li l-investigazzjonijiet tagħhom dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Għadu mhux stabbilit jekk f’din il-ġlieda kienux involuti l-istess nies li aktar kmieni pparteċipaw fi ġlieda kbira f’Ħal Tarxien.