Knisja Kultura Lokali

Imut l-artist Renzo Gauci

Isem popolari l-aktar mad-dinja tal-festi u l-armar

Kmieni dalgħodu tħabbret il-mewt ta’ Renzo Gauci, artist popolari li x-xogħlijiet tiegħu jinsabu f’diversi knejjes u rħula Maltin u Għawdxin.

L-aħbar tal-mewt tiegħu ħalliet dieqa kbira, l-aktar fost id-dilettanti tal-festi u dawk kollha li japprezzaw l-arti sagra. Huwa tilef il-battalja tiegħu mal-kanċer.

Gauci, li hu Tarxiniż, kellu 59 sena. Hu kellu diversi xogħolijiet, fost oħrajn riċentement kien ħadem il-bradella tal-vara ta’ Santa Marija ta’ Ħal Għaxaq kif ukoll dik tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Qrendi. Renzo Gauci huwa magħruf għall-iskultura fl-injam u wkoll għax-xogħol tiegħu fil-kartapesta. Filfatt l-aħħar xogħol riċenti ta’ Renzo Gauci hija skultura tal-injam ta’ Redentur għal kollezzjoni privata.

Renzo Gauci hu sinonimu wkoll mal-Ġimgħa Mqaddsa tant li jekk tmur Ħal Għargħur jew Ħal Luqa żgur li se ssib xi intervent minn dan l-artist. Huwa wkoll sinonimu ma skulturi oħra b’mod partikolari fiċ-ċokon relatati ma dan is-suġġett.

Huwa kien ukoll għamel xi xogħol ta’ konservazzjoni fuq statwi titulari ta’ diversi parroċċi.

Ħbieb tiegħu sellmu l-memorja ta’ Gauci b’diversi messaġġi sbieħ fuq il-media soċjali, fejn bosta iddeskrivewh bħala raġel umli.

Il-Funeral ta’ Renzo Gauci mistenni li jsir nhar it-Tnejn 3 ta’ Settembru fil-Knisja Arċipretali ta’ Ħal Tarxien fit-tlieta ta’ wara nofsinhar.