Internazzjonali

Jiżdiedu s-sinjali tal-kriżi ekonomika fl-Arġentina

Il-Gvern tal-Arġentina, kontra kull mistenni, talab ‘self bikri’ ekwivalenti għal aktar minn 40 biljun ewro mingħand il-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF). Dan fost kriżi ekonomika fil-pajjiż li tidher li qed taqleb għall-agħar.

Il-President Arġentin, Mauricio Macri, sostna li dan il-pass qed isir għal tkattir ta’ fiduċja fl-ekonomija tal-Arġentina, wara li l-peso (tal-Arġentina), din is-sena tilef aktar minn 40 fil-mija tal-valur fil-konfront tad-dollaru Amerikan.

Hu minnu wkoll li l-Arġentina, illum qed tiffaċċja sitwazzjoni ta’ inflazzjoni rampanti u l-IMF ikkonferma li qed jaħseb biex isaħħaħ l-arranġament mal-Istat Amerikan Latin.

Christine Lagarde, bħala Direttur Maniġerjali tal-IMF, qalet fi stqarrija li hi kienet enfasizzat l-appoġġ tagħha għall-isforzi politiċi tal-Arġentina, u li l-IMF hu lest biex jgħin lill-Gvern ta’ Macri ħalli jiżviluppa l-pjani politiċi riveduti tiegħu.

L-investituri, intant, huma inkwetati li l-Arġentina tista’ tispiċċa f’sitwazzjoni fejn ma tkunx kapaċi tħallas lura d-dejn kbir akkumulat mill-Gvern.

Dan meta l-korrispondenti qed jgħidu li d-deċiżjoni ‘biex jitħaffef il-bailout tal-IMF’ qed tindika wkoll ‘sens akbar ta’ disperazzjoni fi Buenos Aires’.

Meta t-termini tas-self kienu miftiehma, f’Mejju li għadda, il-President Macri qal li kien qed jistenna li l-ekonomija tal-Arġentina tirkupra u li hu ma kienx qed jippjana biex juża dawk il-fondi.