Ambjent Lokali

Il-Ministru ma jafx jekk kienx hemm ħruq ta’ materjal tossiku

Sar magħruf li hemm konnessjoni bejn l-iskart li nħaraq illum, u dak li ħa fl-impjant ta' Sant' Antin f'Marsaskala ftit tax-xhur ilu

F’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-ħruq li seħħ fil-Magħtab, il-Ministru Jose Herrera ikkonferma li s’issa ma jistax jagħti assigurazzjoni jekk inħaraqx materjal tossiku, hekk kif għadu qed jistenni stqarrija mill-Awtorità dwar l-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Ukoll, il-Wasteserv, fil-konferenza tal-aħbarijiet qalu li fiż-żona fejn ħa n-nar kien hemm skart RDF, jiġifieri materjal li joħroġ mill-borża l-griża u l-borża s-sewda. B’kollox fl-impjant tal-Magħtab hemm maħżun mat-30 elf tunnellata ta’ skart. Ġie kkonfermat, li n-nar ħa fil-5 ta’ filgħodu, biss il-Ministru Jose Herrera qal li minn naħa tiegħu hu sar jaf b’dak li seħħ fis-7.30 ta’ filgħodu.

Mistoqsi minn NET News, is-CEO tal-Wasteserv qal li parti minn dan il-materjal li nħaraq huwa plastik. Dan l-iskart tat-tip RDF kien tpoġġa f’din iż-żona tal-Magħtab wara l-inċident li kien hemm fil-ħruq f’Marsaskala, fl-impjant ta’ Sant’ Antin ftit tax-xhur ilu. Propju dwar dan il-ħruq f’Wied il-Għajn, ġie konfermat li l-inkjesta interna li ġiet ordnata tlestiet iżda s’issa għadha ma ġietx ippubblikata.

Il-ġurnalisti staqsew ukoll dwar il-pjan tla-Gvern li jibni inċineratur, fejn il-Ministru Jose Herrera reġa’ assigura li dan l-inċineratur se jkun qiegħed isir fi żmien qasir – dan minkejja l-kritika qawwija li kien hemm minn numru ta’ Kunsilli Lokali u NGOs.