Ambjent Lokali

“Irridu naraw li s-sigurta’ tan-nies tiġi mħarsa” – Adrian Delia

Adrian Delia qal li għadna ma tgħallimna xejn mill-każ tan-nirien f'Sant'Antnin

Wara n-nirien li ħakmu l-impjant tal-Magħtab dalgħodu, il-Partit Nazzjonalista juri t-tħassib qawwi tiegħu dwar l-effetti fuq is-saħħa tan-nies, it-tmexxija ħażina tal-impjanti tal-iskart u l-ambjent b’mod ġenerali, aktar u aktar meta dan kien it-tieni każ ta’ nirien f’impjant tar-riċiklaġġ tal-iskart fi ftit aktar minn sena.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Magħtab, fejn dalgħodu seħħew nirien kbar li d-daħna kbira li għamlu dehret minn madwar il-pajjiż kollu.

Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista l-ewwelnett juri s-sodisfazzjon tiegħu li ħadd ma weġġa’ f’dawn in-nirien. Juri l-apprezzament kbir tiegħu lill-ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili għall-ħidma tagħhom sabiex jiġu kkontrollati n-nirien u jesprimi wkoll solidarjetà mal-ħaddiema tal-impjanti u mar-residenti tal-inħawi li ntlaqtu mid-duħħan.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista spjega li n-nirien li ħakmu l-Magħtab huwa ta’ tħassib għall-poplu kollu għaliex jidher li l-Gvern ma tgħallem xejn f’dan il-qasam wara li f’Mejju tas-sena l-oħra kien inħaraq l-impjant tar-riċiklaġġ ta’ Sant’Antnin f’Wied il-Għajn. It-tħassib jirriżulta mill-periklu ta’ nirien bi dħaħen ta’ dan it-tip li wieħed jistenna li jkunu evitati bi tmexxija tajba, qal Adrian Delia, li spjega li dan hu punt ewlieni li joħroġ minn dan il-każ: il-mismanagement tal-Gvern f’dan il-qasam.

Fl-istess waqt, sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista, t-tħassib li jitqanqal hu wkoll dwar il-qasam ambjentali kollu, speċjalment dwar ir-riċiklaġġ tal-iskart. Iż-żewġ inċidenti f’Sant’Antnin u issa fil-Magħtab seħħew fi klima ta’ abbandun tar-responsabbilitajiet tal-Gvern fil-qasam tar-riċiklaġġ b’waqgħa sostanzjali lura fl-ammont ta’ skart li jiġi riċiklat f’Malta. Dan ukoll fil-kuntest li statistika tal-Aġenzija Ambjentali Ewropea turi li f’Malta nbatu r-raba’ l-agħar kwalità tal-arja fl-Ewropa.
Adrian Delia qal li l-Gvern għandu jserraħ ras in-nies fuq il-livell tad-dijossina fl-arja – kimika li tikkawża l-kanċer – wara dawn in-nirien fl-impjant tal-Magħtab. Hu qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2013 kien qal li l-arja nadifa hija dritt. Għalhekk, minnufih, il-Gvern għandu jippubblika r-risk assessmentli hemm għall-faċilità tal-Magħtab sabiex in-nies, il-ħaddiema u r-residenti tal-inħawi jkunu jafu x’miżuri u xi prekawzjonijiet suppost li ttieħdu u kemm fil-fatt ittieħdu.

Adrian Delia fakkar li wara aktar minn sena, il-Gvern żamm moħbija l-inkjesta dwar il-ħruq fl-impjant ta’ Sant’Antnin. Hu sostna li l-Maltin u l-Għawdxin kollha wara każ bħal dan – it-tieni wieħed fi ftit aktar minn sena – jitħassbu dwar il-perikli għas-saħħa tagħhom, il-mismanagement tal-qasam ambjentali u l-ambjent b’mod ġenerali, speċjalment is-sistema tar-riċiklaġġ tal-iskart.
Matul din il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kien akkumpanjat minn Jason Azzopardi, l-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Ambjent, u l-Kunsillieri Lokali Michael Briguglio u Graziella Galea.