· Vodafone Malta Limited b’sekwestru ta’ aktar minn €4,000 wara li ripetutament ipprovat tasal bil-kelma t-tajba biex titħallas il-flus dovuti lilha
· Aktar każi ta’ terzi persuni, kumpaniji privati u entitajiet pubbliċi li qed jiġru wara flushom wara li Karl Stagno Navarra gidimhom mijiet jew eluf ta’ ewro
L-istejjer fil-Qorti dwar sekwestri lil Karl Stagno Navarra, preżentatur ta’ programm fuq l-istazzjon Laburista ‘One’, qed jibqgħu jakkumulaw… issa b’sekwestru ieħor frisk ta’ aktar minn €4,000 minn Vodafone Malta Limited.
Dawn l-istejjer uffiċjali fil-Qorti jiżdiedu ma’ bosta stejjer oħrajn minn terzi persuni li għadhom jiġru wara flushom mingħand l-istess Karl Stagno Navarra li gidimhom flejjes taħt xi forma jew oħra.
F’din is-sensiela ta’ terzi persuni, kumpaniji privati u entitajiet pubbliċi li qed jiġru wara Karl Stagno Navarra għal flushom, l-aktar reċenti hu digriet li ngħata mill-Qorti fl-24 ta’ Awwissu li għadda fejn Karl Stagno Navarra instab li għandu jagħti xejn inqas minn €4,052,52 lil Vodafone Malta Limited.
Fost il-lista, sa ftit ilu biss, ta’ entitajiet li kienu qed jiġru għal flushom mingħand Karl Stagno Navarra kien hemm ukoll il-kumpanija tal-Gwardjani LESA għal ċitazzjonijiet fuq żewġ karozzi reġistrati f’isem Karl Stagno Navarra. B’kollox l-ammonti dovuti huma ta’ mijiet ta’ ewro.
Minħabba f’hekk waħda mill-karozzi reġistrati fuq l-istess Karl Stagno Navarra għamlet ġimgħat sħaħ ‘abbandunata’ taħt siġra fl-inħawi tal-Mistra Village biċ-ċitazzjonijiet jakkumulaw mal-windscreen. Saħansitra anki l-Pulizija kellhom rapporti dwar din il-karozza partikulari li dwarha diġà kien pubblikat rapport f’dan il-ġurnal ukoll ftit tal-ġimgħat ilu.
Hu sigriet magħruf li Karl Stagno Navarra kellu diversi mandati ta’ sekwestru b’individwi u kumpanniji jiġru warajh biex jitħallsu dak li hu tagħhom. Fost dawn hemm kumpaniji stabbiliti iżda wkoll persuni li silfuh flejjes fuq l-idejn.
Il-lista ta’ dawk li għandhom jieħdu mingħand Karl Stagno Navarra u li daħħluh il-Qorti biex b’sekwestru jew b’sentenza tal-Qorti jiġbru flushom hi twila u fiha hemm diversi każi mill-eks mara tiegħu għal nuqqas ta’ ħlas ta’ kontijiet li ħalla jinġemgħu.
Fil-lista hemm ukoll kuntratturi fil-qasam tal-kostruzzjoni li tawh il-flus u li ngidmu. Hemm ukoll kumpaniji tal-ġojjelli u deheb, sptar privat, żewġ kumpaniji tat-telekomunikazzjoni, kumpanija ewlenija tad-distribuzzjoni, fotografu u individwi privati oħra.
Fost l-iżjed migduma hemm kumpanija li tikri l-proprjetà fejn wara li żgumbratu minn appartament bdiet passi legali biex tiġbor €42,000 f’kirjiet mhux imħallsa.
Hemm ukoll ħwienet tal-ħwejjeġ li jsostnu li għandhom jieħdu flejjes kbar.
Karl Stagno Navarra għamel minn kollox biex ikun fost il-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tas-sena d-dieħla tal-Parlament Ewropew. Qies din l-opportunità bħala waħda ideali għalih biex ikun jista’ jpaċi l-flejjes li għandu jagħti.
Madankollu kemm Kastilja kif ukoll fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista dejjem kien hemm linja waħda… li jisfruttaw il-kwalitajiet ta’ dan il-baħbuħ għal skop ta’ televiżjoni, iżda mbagħad daqshekk għaliex iġorr pakkett skur wisq.
Laburisti li ilhom jimmilitaw fil-Partit Laburista għal ħafna snin mhux biss ma għandhomx fiduċja fl-istess preżentatur – li jafu tajjeb minfejn ġej u kif spiċċa fil-midja tal-Partit Laburista – iżda huma wkoll isostnu li dan ma għandux ikun fost il-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
F’ċerti mumenti kien evidenti fil-Partit Laburista li anki fuq dan il-livell kien hemm qasma ċara bejn dawk li jmexxu f’Kastilja u li jridu jkomplu jinqdew b’Karl Stagno Navarra għal skopijiet tagħhom – biex mingħalihom jinku lill-partitarji Nazzjonalisti – u dawk li verament għandhom għal qalbhom l-interessi tal-Partit Laburista u jenfasizzaw il-pożizzjoni tagħhom li Karl Stagno Navarra spiċċa fil-midja tal-Partit sempliċiment għaliex hu opportunist u rnexxielu jdaħħal fil-but anki lil dawk l-aktar li jippretenduha fi ħdan il-Partit.
Naturalment dawn, skont l-istess partitarji, ma humiex iżolati li ġew u għadhom ikunu milgħuba mill-istess Karl Stagno Navarra li fix-xhur u s-snin li għaddew irnexxielu jdaħħal fil-but lil bosta persuni oħrajn li magħhom spiċċa l-Qorti minħabba li daħak bihom.
L-istorja żvelata minn il-mument aktar kmieni din is-sena dwar Karl Stagno Navarra u sekwestri kienet wasslet lil bosta persuni biex jgħixu mill-ġdid l-ingann li għaddew minnu meta Karl Stagno Navarra gidimhom. U llum dan jiftaħar li hu minn ta’ ġewwa fil-Partit Laburista fejn fil-verità jinqdew bih għaliex ma hux fdat.
Tajjeb li wieħed ifakkar kif waħda mir-reazzjonijiet li konna rċevejna wara r-rapport oriġinali li kien pubblikat f’il-mument kienet kif it-Tmexxija tal-Partit Laburista taċċetta fi ħdanha nies bħal Karl Stagno Navarra li għandu dan id-dell daqstant tqil fuqu… mill-eks martu tiġri warajh għal kumpaniji kbar jew mhux daqstant għal għadd kbir ta’ individwi li ngidmu minnu.
Mhux hekk biss, iżda anki l-istess Tmexxija tal-istazzjon Laburista ‘One’ qed tibgħat messaġġ żbaljat li tħalli frodist jiffrodaha l-ħin biex jiddefendi – b’isteriżmu kbir u b’rabja sfrenata – kif għamel ripetutament matul din il-ġimgħa.
Fuq kollox ir-reazzjoni ta’ Karl Stagno Navarra fuq l-istazzjon ‘One’ kienet fiha nnifisha konferma għar-reati – għall-bosta reati serji – li hu għamel meta gidem u ffroda bosta nies.
//= $special ?>