Futbol Sport

Valletta jakkwistaw lil Bojan Kaljevic

Valletta rnexxielhom jagħmlu akkwist importanti tal-aħħar minuta meta laħqu ftehim ma’ Balzan biex jakkwistaw lill-attakkant Bojan Kaljevic. Il-Beltin kellhom bidu negattiv fil-kampjonat hekk kif tilfu l-ewwel żewġ logħbiet kontra Sliema Wanderers u Hibernians.

Kaljevic iffirma l-kuntratt ta’ tliet snin fil-preżenza tal-President ta’ Valletta Victor Sciriha, il-Kap Eżekuttiv Alexander Fenech kif ukoll ta’ Ghassen Ben Slimane, Mohamed Al Fahim u Ali Mohamed Saeed f’isem Sanban Business Investment.

Dan l-akkwist se jkompli jsaħħaħ l-attakk Belti hekk kif f’dan is-suq tat-trasferimenti diġà akkwistaw lil Mario Fontanella kif, lill-midfielder offensiv Bogdan Gavrila u l-gowlkiper Yenz Cini.

Kaljevic kien inġab f’pajjiżna minn Mosta fil-bidu tal-istaġun 2013/2014 wara li ngħaqad magħhom mingħand Mladost Podgorica. Hu stabilixxa ruħu bħala wieħed mill-aqwa attakkanti tal-Kampjonat Premier, tant li ġibed l-interess ta’ diversi timijiet.

F’Jannar tal-2015 l-attakkant ta’ 32 sena ngħaqad ma’ Balzan u magħhom kien l-attakkant ewlieni fil-mira ta’ Balzan li jirbħu l-kampjonat. Hu kellu impatt immedjat ma’ Balzan fejn skorja 12-il gowl fil-kumplament tal-istaġun 2015/2016.

Wara li fl-istaġun ta’ wara kien kostrett li jilgħab ftit minħabba li weġġa’, Kaljevic spiċċa bħala l-aqwa skorer fl-istaġun 2016/2017 b’total ta’ 23 gowl. L-istaġun li għadda l-Montenegrin ukoll kien importanti biex Balzan baqgħu jissieltu għar-rebħ tal-kampjonat sal-aħħar ġurnata b’14-il gowl skorjat. Matul dan l-istaġun hu skorja darbtejn fl-Europa League.