Edukazzjoni Għawdex Knisja Lokali

Il-Knisja se tiftaħ żewġ propjetajiet ta’ akkomodazzjoni għal żgħażagħ Għawdxin li qed jistudjaw f’Malta

Il-Knisja Għawdxija se tkun qed tiftaħ żewġ postijiet ta’ akkomodazzjoni, fi Gwardamanġa u fil-Gżira, għal żgħażagħ Għawdxin li qed jistudjaw f’Malta. Dan seta’ jkun possibbli wara li l-Patrijiet Agostinjani u s-Sorijiet tas-Saint Joseph poġġew għad-dispożizzjoni tad-Djoċesi Għawdxija dawn il-propjetajiet.

Kien l-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech li ħabbar dan f’Ittra li qed tinqara fil-Knejjes Ghawdxin fi tmiem din il-ġimgħa. Hu qal li konvint li dan se jkun investiment li jixraq liż-żgħażagħ li qed jistudjaw, bid-Djoċesi investiet somma flus mhux ħażin biex dawn iż-żewġ postijiet setgħu jkunu rranġati.

Studenti Għawdxin li tkellmu ma’ NET News esprimew is-sodisfazzjon tagħhom għall-għajnuna li se jkunu qed jirċievu mill-Kurja ta’ Għawdex. Min-naħa l-oħra esprimew diżappunt kif minkejja l-kliem kollu li jingħad, il-Gvern baqa’ ma għamel xejn biex jgħinhom. Oħrajn innutaw kif b’għemilha, il-Knisja Għawdxija qed tieħu post il-Gvern fl-għajnuna li tant ilha mwegħda.

S’issa, il-Gvern qal biss li l-Ministeru għal Għawdex għadu qed jesplora l-possibbiltà li jibni propjetajiet bħal dawn għall-istudenti Għawdxin. U minkejja din il-wegħda mill-Ministru Justyne Caruana, s’issa għadu ma sar xejn minkejja li fadal biss ftit ġimgħat għal bidu ta’ sena akkademika oħra.

Min-naħa tiegħu, il-Kunsill taż-Żgħażagħ Għawdxin qal fi stqarrija li dan l-investiment mill-Knisja se jindirizza t-tħassib u l-problemi li jsibu ma’ wiċċhom il-familji Għawdxin. Filwaqt li laqa’ bil-ferħ il-ftuħ ta’ dawn il-propjetajiet, il-Kunsill irringrazzja lill-Isqof u lill-Kurja ta’ Għawdex għall-ħidma li qed tagħmel b’risq iż-żgħażagħ ukoll.

Il-Kurja ta’ Għawdex spjegat li għalkemm jista’ japplika kulħadd, se tingħata preferenza lil dawk li jenħtieġu l-għajnuna. U minħabba li dan hu proġett issussidjat mid-Djoċesi u miż-żewġ Ordnijiet Reliġjużi, se tkun qed tintalab biss ħlas nominali għax il-biċċa l-kbira tal-ħlas se tkun qed titħallas mill-Knisja u mill-Ordnijiet.

Fl-Ittra tiegħu, l-Isqof Grech esprima l-ferħ ta’ kulħadd meta l-ulied ifittxu l-edukazzjoni terzjarja. Iżda għall-Għawdxin, dan il-pass joħloq diffikultajiet. Semma’ wkoll kif jaf b’każijiet fejn studenti jkollhom jabbandunaw l-istudji minħabba l-piż tal-kera tal-akkomodazzjoni, li dejjem qed togħla.