Lokali

L-MDA tilħaq ftehim ma’ assoċjazzjoni minn Sqallija

F’Malta hawn nuqqas ta’ work-force. Hekk sostna l-President tal-Malta Developers Association Sandro Chetcuti f’kummenti ma’ Net News wara li l-MDA laħqet ftehim formali mal-Assoċjazzjoni Nazzjonali tal-Iżviluppaturi f’Iblea.

Dan twettaq nhar il-Ġimgħa, hekk kif preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm fost oħrajn Sandro Chetcuti li ppreżenta diversi ċifri u ideat ta’ investiment li l-Isqallin jista’ jkollhom f’pajjiżna bl-opportunitajiet fi Sqallija jkunu miftuħa ugwalment għall-Maltin. Preżenti kien hemm ukoll il-President tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg li insista li ser jingħata kull sostenn possibli sabiex jiżdied l-investiment f’pajjiżna.

Hekk kif kien qed jitkellem ma Net News, Sandro Chetcuti insista li għalkemm il-qasam tal-industrija f’pajjiżna għaddej ġmielu, għandna problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema f’dan il-qasam.Għaldaqstant, kompla Chetcuti, konxji li t-Taljani qed jiġu b’ruħhom u ġisimhom jaħdmu f’pajjiżna – b’dan il-ftehim ikun hawn aktar regolarizzazzjoni.

Huwa temm jgħid li grazzi għal dan il-ftehim li ntlaħaq, il-Maltin jista’ jkollhom opportunitajiet ta’ investiment fi Sqallija.