Lokali

FILMAT: Iwieġeb ħati li abbuża tifel u li kien ipitter it-tfal f’pożizzjonijiet sesswali

Michael Charles Muscat, anzjan li joqgħod Birżebbuġa, tressaq il-Qorti u kien akkużat b’sensiela ta’ reati direttament marbuta ma’ abbuż sesswali ta’ tfal.

Michael Charles Muscat, li għandu 74 sena, kien akkużat li abbuża sesswalment minn tifel, li ħallas tifel ieħor għal sess orali u li pinġa tfal f’pożizzjonijiet kompromettenti fil-kumpanija ta’ adulti.

Il-Prosekuzzjoni fissret lill-Maġistrat li Michael Charles Muscat kien diġà serva sentenza ta’ priġunerija marbuta ma’ akkużi simili ta’ abbuż ta’ tfal.

Jirriżulta wkoll li l-anzjan tgħallem ipinġi meta kien qed jiskonta sentenza ta’ sitt snin priġunerija fil-Ħabs ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni fissret lill-Qorti wkoll li madnakollu jirriżulta li darba ħareġ mill-ħabs, Michael Charles Muscat beda jpinġi xeni ta’ tfal ikollhom sess ma’ adulti. Hawnhekk il-Prosekuzzjoni ppreżentat fil-Qorti ħadd ta’ tpenġijiet magħmula mill-istess akkużat, flimkien ma’ video recordings li jmorru lura sa minn Awissu tas-sena l-oħra.

Jirriżulta wkoll skont il-Prosekuzzjoni li l-istess anzjan ħallas tifel ta’ tlettax-il sena biex ikollu sess orali miegħu.

Michael Charles Muscat, bil-wieqfa wara l-iżbarra fil-Qorti, ma kkontestax l-arrest tiegħu u mistoqsi xi jwieġeb għall-akkużi miġjuba fil-konfront tiegħu, hu ammetta ħtijietu.

Mistoqsi jekk ommu u missieru kenux għadhom ħajjin, l-akkużat wieġeb li ma kienx jaf jekk għadhom ħajjin u jekk huma ħajjin fejn qegħdin.

Il-każ fil-Qorti kien aġġornat għat-13 ta’ Settembru li ġej.