Lokali

Il-ħabi dwar il-kumpanija 17 Black qed jagħmel ħsara lir-reputazzjoni tal-pajjiż u l-impjiegi tal-Maltin u l-Għawdxin

"Malta issa qed titlef anke l-identita' tagħha. Irridu nerġgħu nsiru soċjeta' li jimpurtaha, li ma tobgħodx u li tieħu ħsieb lil min hu fil-bżonn. Il-Partit Nazzjonalista jinsab fl-Oppożizzjoni. Imma mhux se naħlu erba' snin. Filwaqt li se nippersistu fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, se nibdew noffru lil pajjiżna alternattivi reali u fattwali għal kull settur," qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.

“L-awtoritajiet Maltin jafu ta’ min huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, li allegatament għaddiet flus liż-żewġ kumpaniji fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Minflok għażlu li ma jiddefendux ir-reputazzjoni ta’ Malta u tas-settur tas-servizzi finanzjarji, li joffi l-impjieg tajbin lil eluf ta’ żgħażagħ Maltin u Għawdxin.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien qed jindirizza attività f’Ta’ Sannat f’Għawdex.

Adrian Delia kkwota li l-MEP Soċjalista Ana Gomes li fuq Twitter kitbet li l-FIAU tal-Latvja bagħtet lill-FIAU f’Malta l-informazzjoni kollha li kellha dwar il-kumpanija anonima 17 Black f’Dubaj. Ana Gomes qalet li d-Direttur tal-FIAU fil-Latvja kkonfermalha li fi Frar kien għadda l-informazzjoni kollha dwar il-kumpanija 17 Black lill-FIAU f’Malta. Adrian Delia qal li l-ġurnalisti għamlu l-mistoqsijiet lill-FIAU iżda din l-awtorità minflok għażlet li tagħmel argumenti politiċi sabiex tipprova tnaqqas mis-serjetà tal-każ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għada t-Tnejn se jkun il-Qorti dwar ir-rikors Kostituzzjonali hi huwa għamel sabiex jingħata kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. Dan in- nuqqas ta’ aċċess għar-rapport sħiħ qed isir bi ksur tad-dritt tal-Kap tal-Oppożizzjoni li jirċievi u jingħata aċċess għall-informazzjoni skont il-kariga li jokkupa bil-Kostituzzjoni biex ikun jista’ jaqdi dmirijietu. Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma jagħtix kopja sħiħa tal-inkjesta lil Adrian Delia tmur ukoll kontra l-Kostituzzjoni ta’ Malta u kontra l-Konvenzjoni Ewropea, filwaqt li qed toħloq żbilanċ politku serju bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem ukoll fuq l-isptar Ġenerali ta’ Għawdex u qal li x-xogħlijiet fuq dan l-isptar għadhom lura minkejja li issa huma responsabbilità ta’ Steward u mhux aktar ta’ Vitals, li telqu minn Malta b’€50 miljun meta ma għamlu xejn. Huwa qal li s-settur tas-saħħa huwa wieħed importanti partikolarment għall-Għawdxin meta hemm sptar wieħed biss. Adrian Delia qal li t-tnaqqis drastiku fil-kwalità tas-servizz tas-saħħa issa qed tħalli impatt negattiv fuq is-saħħa u l-ħajja tan-nies. Huwa qal li xi ħadd irid iġorr ir-responsabbilità għal dak li qed jiġri meta l-Gvern falla b’mod totali fis-settur tas-saħħa f’Għawdex. Adrian Delia saħaq li hu daħal il-Qorti fuq il-każ tal-Vitals biex jerġa’ jagħti lill-Għawdxin l-isptar li hu tagħhom.

Adrian Delia faħħar l-inizjattiva tad-Djoċesi f’Għawdex li fetħet żewġt’idjar tal-Knisja li se jkunu qed jakkomodaw studenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta. Adrian Delia qal li l-Gvern qed jonqos li jħalli studenti Għawdxin isofru piżijiet żejda meta jridu jkomplu jistudjaw. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista irid li l-istudenti Għawdxin igawdu minn opportunitajiet indaqs bħall-istudenti Maltin. Adrian Delia qal li l-Gvern irid jibda jindirizza l-problema li ħoloq hu stess biż-żieda fl-immigrazzjoni bla pjan, li qed tħalli impatt fuq setturi importanti bħalma huma l-pagi, t-traffiku, l-infrastruttura, l-prezzijiet, il-kirjiet u l-ambjent.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li t-tema tal-Partit Nazzjonalista għall-festi tal-54 anniversarju tal-Indipendenza se tkun Soċjetà li Jimpurtaha. Din hija wkoll il-politika li jrid il-Partit Nazzjonalista għall-futur ta’ pajjiżna u li hija bbażata fuq ħames pilastri li huma: l-ħarsien tal-ħajja, l-għajxien diċenti għal kulħadd, il-wens għal dawk f’qagħdiet dgħajfin, il-kwalità tal-ħajja u l-identità tagħna bħala Maltin u Għawdxin.