Lokali

FILMAT: Jibda l-każ Kostituzzjonali biex l-Oppożizzjoni tingħata kopja sħiħa tal-inkjesta

Miċħuda t-talba tal-Avukat Ġenerali dwar punt preliminari

Fil-Qorti Kostituzzjonali beda jinstema r-rikors Kostituzzjonali li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fil-konfront tal-Avukat Ġenerali fejn qed jitlob kopja sħiħa tal-inkjesta tal-Maġistrat Aaron Bugeja. It-talba qed issir peress li bħalissa hemm żbilanċ bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, meta l-Gvern għandu kopja sħiħa tal-inkjesta filwaqt li l-Oppożizzjoni m’għandhiex.

Tul is-seduta preseduta mill-Imħallef Robert Mangion laqa’ t-talba tal-Kap tal-Oppożizzjoni li l-kawża tibqa’ tinstema’ fl-intier tagħha u ma tiġix maqsuma. Dan wara li l-Avukat Ġenerali kien qajjem punt preliminari dwar dan.

Fost oħrajn, fl-argumentazzjoni tagħhom, l-Avukati tal-Kap tal-Oppożizzjoni qalu li għalkemm it-tliet mistoqsijiet li kienu saru fl-inkjesta oriġinali ġew indirizzati fil-konklużjonijiet tal-inkjesta, skont il-Prim Ministru stess, hemm numru ta’ firem foloz oħra li ġew identifikati waqt l-istess inkjesta. B’hekk il-Prim Ministru qed juża informazzjoni li mhux qed tingħata lill-Oppożizzjoni bħala għodda għalih innifsu.

L-Avukati li qed jidhru għall-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qalu li l-Oppożizzjoni għandha dritt tkun taf ta min huma dawn il-firem u jekk hemmx persuni politiċi oħra implikati.

Huma komplew jgħidu li minħabba l-implikazzjonijiet politiċi tal-inkjesta, kull ġurnata li tgħaddi mingħajr ma l-oppożizzjoni jkollha kopja tagħha, hija ġurnata oħra ta’ ksur tad-drittijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni.

Fid-digriet tiegħu, l-Imħallef Robert Mangion li quddiemu qed jinstema’ dan ir-rikors talab lill-Kap tal-Oppożizzjoni biex jindika x-xhieda li jixtieq iressaq, flimkien ma indikazzjoni tal-iskop tat-testimonjanza tagħhom. Il-Qorti tat jumejn ċans biex l-Avukat Ġenerali jirrispondi għal din it-talba. Jidher li fost ix-xhieda li se jissejħu se jkun hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat stess.

F’nofs Awwissu li għadda, il-Qorti kienet iddeċidiet li l-mertu tar-Rikors Kostituzzjonali intavolat mill-Kap tal-Oppożizzjoni jimmerita li jiġi trattat b’urġenza. Id-deċiżjoni kienet ingħatat wara li l-Avukat Ġenerali kien oppona formalment li l-Qorti tisma’ b’urġenza dan il-każ.

Sadanittant, il-kawża ġiet differita għall-Erbgħa 5 ta’ Settembru fejn mistenni jixhed il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Għall-Kap tal-Oppożizzjoni dehru L-Avukati Vincent Galea, Errol Cutajar, Janice Chetcuti u Andre Portelli.

Adrian Delia jingħata raġun: Ir-rikors kostituzzjonali se jinstema’ b’urġenza