Lokali

Jeħtieġ li l-Gvern Malti jagħti sehmu biex tissolva l-kriżi preżenti fil-Libja

Għal darb'oħra il-Gvern Malti qed isib ruħu mhux ippreparat f'din is-sitwazzjoni

Il-Partit Nazzjonalista esprima dispjaċir għal dak li jinsab għaddej fil-Libja. Il-ġlied li reġa’ nqala’ f’dawn il-jiem ma jawgurax tajjeb, ma jwassalx għal soluzzjoni fit-tul u se joqtol t-tama li sal-aħħar ta’ din is-sena jissoda l-proċess demokratiku meta kellha ssir elezzjoni ġenerali.

Hekk intqal fi stqarrija mibgħuta mid-deputat Carm Mifsud Bonnici.

“Ningħaqdu mal-komunità internazzjonali u nagħtu s-sostenn tagħna lill-pajjiżi li għaddejjin fil-medjazzjoni bejn il-partijiet sabiex tinstab soluzzjoni. L-użu tal-armi jġib biss mewt u qerda li mhux pass fid-direzzjoni t-tajba għal poplu li diġà għadda minn ħafna. Għalhekk nappellaw ukoll sabiex kulħadd jersaq lejn il-mejda tad-diskussjoni”.

L-istqarrija tkompli tgħid li għal darb’oħra il-Gvern Malti qed isib ruħu mhux ippreparat f’din is-sitwazzjoni li kienet qed tiżviluppa. L-Ambaxxatur għal-Libja Carmelo Saliba quddiem il-Kumitat tal-Iskrutinju Parlamentari stqarr li ttraskurajna dak li għaddej fi ħdan dak il-poplu.

“Jidher ċar li pajjiżna l-ewwel tilef l-pożizzjoni strategikament b’saħħitha li kellu fis-snin li għaddew fid-dinja diplomatika u t-tieni li għal kuntrarju ta’ dak li ġara qabel, qed jittraskura u jissogra ħajjet ċittadini Maltin li jinsabu fil-Libja”.

Il-Partit Nazzjonalista għalhekk appella lill-Gvern sabiex immedjatament jġib fis-seħħ il-miżuri kollha meħtieġa sabiex kull min hemm fil-Libja jinġieb mill-ewwel f’pajjiżna. Dan filwaqt li jsalva l-isem u l-interess nazzjonali billi jidħol direttament fin-negozjati li hemm bżonn sabiex jgħin fl-istabilità u l-paċi.