Grupp ta’ persuni mil-Lvant tal-Ewropa reġgħu bdew jidhru max-xatt ta’ San Pawl il-Baħar iqarrqu n-nies b’logħob tal-azzard illegali, b’mod speċjali bl-hekk imsejħa Cups and Ball Magic Trick.
Il-logħba tikkonsisti fi grupp ta’ persuni miftehma bejniethom li jippruvaw jikkonvinċi lil oħrajn biex joħorġu karta tal-ħamsin Ewro u jieħdu dak kollu milgħub jekk jaqtgħu fejn ikun il-ballun moħbi taħt waħda mit-tazzi.
Biex iħajru iktar lil dak li jkun, persuni oħra miftehma mal-lagħba wkoll jibdew joħorġu ammonti ta’ flus biex b’hekk is-somma li tista’ tintrebaħ tkun waħda kbira u tattira iktar l-interess. Hemm dubji wkoll dwar jekk il-flus maħruġa mill-irġiel parti minn din l-organizzazzjoni humiex foloz.
Persuni li tkellmu ma’ dan l-istazzjoni spjegawlna kif, fil-każ li seħħ fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, kien hemm organizzazzjoni ta’ mill-inqas ħamsa min-nies miftehma u nvoluti f’din l-attività llegali.
Din mhix l-ewwel darba li persuni dehru jmexxi organizzazzjonijiet simili biex isir il-logħob tal-azzard fil-pubbliku. Tant hu hekk li f’Lulju tas-sena li għaddiet, żewġ persuni (wieħed mill-Maċedonja u Rumen) ġew deportati wara li nqabdu jmexxu l-istess logħba llegali fil-Belt.
Iżda din id-darba l-grupp ta’ San Pawl il-Baħar jidher iktar organizzat hekk kif, min bagħtilna r-ritratt spjega li madwar mitt metru bogħod minn fejn kien qed isir il-logħob tal-azzard intlemħu żewġ persuni (wieħed fuq ix-xellug u ieħor fuq il-lemin) jitkellmu flimkien permezz ta’ sistema ta’ komunikazzjoni mqabbda bejniethom.
Iktar minn hekk, dawk li bagħtulna l-informazzjoni għamlu wkoll rapport lill-Pulizija, li waslu fil-post xi ħin wara. Madankollu, kważi immedjatament malli l-Pulizija telqu mill-għassa, il-lagħba sparixxew mill-post.
Is-suspett hu li membri oħra tal-istess organizzazzjoni għandha wkoll persuni għassa fl-inħawi tal-Għassa tal-Pulizija, li jikkomunkaw mal-membri l-oħra tal-organizzazzjoni malli jindunaw li l-Pulizija qed jaġixxu fuq rapport dwarhom jew inkella li jista’ jkun jgħaddu minn hemm fuq xi rapport ieħor.
//= $special ?>