Lokali

Ġlieda bejn l-Immigranti fil-Marsa

Arkivji

Ġlieda fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Immigranti fil-Marsa wasslet biex tal-anqas żewġ persuni kellhom jittieħdu l-isptar Mater Dei għall-kura.

Fil-ġlieda kienu involuti diversi immigranti – tant li fil-post kellhom jissejħu għadd ta’ Pulizija mit-Taqsima tar-Rapid Intervention Unit.

Skont rapporti fil-media, fl-argument – li seħħ tard filgħaxija għall-ħabta tad-9.15, twaddbu saħansitra mwejjed u siġġijiet.

Din mhux l-ewwel darba li l-Pulizija kellhom jissejħu fiċ-Ċentru Miftuħ tal-Immigranti fil-Marsa minħabba inkwiet li nqala’. Dan apparti ġlidiet oħra fuq skala iżgħar li jinqalgħu minn żmien għal żmien f’diversi rkejjen tal-Marsa.

Fil-11 ta’ Lulju li għadda, kienet seħħet ġlieda kbira bl-involviment ta’ madwar 30 immigrant fiċ-Ċentru Miftuħ.

Dan filwaqt li fil-jiem li għaddew, seħħew ġlidiet oħra kbar fil-Marsa u Ħal Tarxien – iżda din id-darba minn persuni ta’ nazzjonalità Sirjana li spiċċaw jagħtu b’kanen tal-ħadid u skieken.

Minkejja l-isforzi tal-uffiċjali tas-sigurtà, jidher li qed ikun diffiċli għall-Pulizija biex ilħaqqu mal-problema tal-kriminalità li qed tiżdied f’pajjiżna – fi sfond ta’ stqarrijiet mill-Gvern li jrid iżid il-popolazzjoni ta’ barranin f’Malta b’70,000.