Futbol Sport

UEFA NATIONS LEAGUE (League D, Grupp 3): Malta tistenna debutt diffiċli mal-Gżejjer Faeroe

It-tim nazzjonali Malti, għada, se jiffaċċja lill-Gżejjer Faeroe fl-ewwel impenn ta’ Grupp 3 (League D) fil-UEFA Nations League u meta t-tim immexxi minn Ray ‘Zazu’ Farrugia qed jittama li jqum għall-okkażjoni kontra pajjiż li – minkejja ranking relattivament baxx — kompla juri t-titjib tul is-snin u li jinsab determinat għall-punti minn dan il-konfront quddiem il-pubbliku ta’ Thorshavn.

Iż-żewġ pajjiżi qed jiddebuttaw f’din il-kompetizzjoni li tibbaża fuq format ta’ league ġdid u fejn huma – flimkien mal-Kosovo u Ażerbajġan – se jkunu qed jissieltu għall-ogħla pożizzjoni f’dan il-grupp magħmul minn timijiet, ftit jew wisq, tal-istess livell.

Il-Gżejjer Faeroe ilhom jippreparaw għal dan il-konfront fis-Stadium ta’ Torsvollur u wara li huma kienu qatgħu figura tajba ħafna fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għall-finali tat-Tazza tad-Dinja 2018, fejn irnexxielhom jiksbu żewġ rebħiet u tliet draws.

Il-Faroiżi ta’ Lars Olsen anki kienu taw sfida qawwija lill-pajjiżi aktar ikkwotati f’dak il-grupp u – aktar riċentement – huma lagħbu żewġ logħbiet ta’ ħbiberija fejn għelbu lil Andorra, 1-0, u lil Liechtenstein, 3-0 biex ikkonfermaw il-vena tajba preżenti.

Sadanittant, Malta kisbet punt wieħed biss mil-logħob ta’ kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja, waqt li tilfet erba’ fost il-ħames logħbiet ta’ ħbiberija li lagħbet mindu konkludiet l-impenji fil-grupp ta’ kwalifikazzjoni għal Moska 2018.

Fil-fatt, Malta kisbet biss żewġ draws mill-aħħar għaxar logħbiet, bl-aħħar rebħa tal-Maltin tkun kontra l-Ukrajna f’Ġunju tas-sena l-oħra. Intant, Malta skurjat biss gowl f’sitta minn dawn l-okkażjonijiet u li wasal fid-draw riċenti mal-Armenia.

Malta u l-Gżejjer Faeroe ikkonfrontaw lil xulxin erba’ darbiet fl-istorja, bil-Faroiżi jirbħu tliet darbiet u bil-Maltin jirbħu l-aħħar konfront ( logħba ta’ ħbiberija), 3-2, f’Ta’ Qali, fl-2013.

Intant, Ray Farrugia – li ħa post Tom Saintfiet bħala kowċ nazzjonali — u l-istaff tekniku ġdid ta’ Malta huma determinati li jagħtu spinta lit-tim, fejn, fl-aħħar ġimgħat, huma ħadmu fuq tattiċi u strateġiji ġodda li, fost oħrajn, ibbażaw ukoll fuq l-aspett psikoloġiku.

Filwaqt li Farrugia u l-istaff tekniku ilhom biss ftit ġimgħat jaħdmu fuq is-sistema tal-logħob ġdida, huma jinsabu sodisfatti bir-riżultati tal-ħidma tagħhom mal-plejers waqt l-aħħar training camp li sar fl-Awstrija, f’Ġunju li għadda.

Intant, u minkejja li l-Faroiżi huma favoriti għat-tliet punti, it-tim Malti, għada, se jinżel f’Thorshavn bil-għan li jibni fuq l-elementi pożittivi tal-aħħar ġimgħat, u meta l-istaff tekniku ta’ Malta huma wkoll sodisfatti bl-indikazzjonijiet tal-aħħar konfronti mal-Armenja u Ġorġja, irrispettivament mir-riżultati.

Fl-istess ħin, it-tim ta’ Farrugia hu konxju mit-theddida offensiva tal-attakkanti Faroiżi, Naes u Sorensen, u mistenni juża tattiċi prudenti filwaqt li jibbaża fuq il-kontra-attakki veloċi.

Il-captain ta’ Malta, Michael Mifsud, u l-viċi-captain, Andre Schembri, sadanittant, huma pożittivi li jagħtu wirja tajba fil-konfront tal-lejla, b’Mifsud itenni li hu u l-plejers Maltin jafu li għandhom l-opportunità biex jiksbu r-riżultati utli f’dan il-grupp.

‘Fil-preżent, hemm għaqda kbira fost il-membri tal-iskwadra u l-istaff tekniku u nemmnu tassew li kapaċi nagħmlu lil pajjiżna kburi minkejja li l-impenn tal-lejla hu tassew diffiċli,’ qal Mifsud. Il-captain ta’ Malta kompla li t-tim qed iħares ‘il quddiem għal din l-isfida u li hu jemmen ħafna fil-potenzjal tal-iskwadra minkejja li t-tliet avversarji l-oħrajn fl-grupp kollha għandhom ranking aħjar.

Min-naħa tiegħu, Schembri jemmen li riżultat tajjeb kontra l-Gżejjer Faeroe iwitti t-triq għal kampanja pożittiva għat-tim nazzjonali Malti. L-attakkant ta’ 32 sena sostna li l-konfront f’Thorshavn se jkun wieħed diffiċli iżda jemmen fil-kapaċitajiet tiegħu u tal-plejers filwaqt li ħeġġeġ biex il-pubbliku Malti jagħti appoġġ lit-tim li qed jaffronta kompetizzjoni ġdida fi klima differenti mis-soltu.