Lokali

Tarbija tat-twelid tinstab abbandunata bil-kurdun b’kollox

Sejba mhux tas-soltu saret il-Ġimgħa waranofsinhar meta tarbija tat-twelid ta’ karnaġjon abjad u bil-kurdun maqtugħ b’mod mhux professjonali, instabet abbandunata f’parapett ta’ blokka appartamenti fi Triq il-Pijunieri. Buġibba.

Kien għall-ħabta tal-4pm meta għand il-Pulizija daħlet informazzjoni li f’parapett ta’ blokka flats ‘Cyril Court’ fi Triq il-Pijunieri kien hemm tarbija tat-twelid imċappsa kollha demm iżda mgeżwra f’biċċa drapp tawwalija.

Immedjetament il-Pulizija marru fil-post u ssejjaħ tim mediku mill-Isptar Mater Dei, li wasal fil-post fi ftit minuti. Mill-ewwel investigazzjonijiet mediċi fil-post irriżulta li t-tarbija kienet tifel ta’ karnaġjon abjad, u bi probabbiltà kbira kienet ta’ omm barranija.

It-tifel, li aktar tard issemma’ mill-Bord tal-Inkjesta bħala Cristiano, twieled għall-ħabta ta’ 12pm.

Il-kurdun tat-tarbija ma nqatax kif suppost, imma hi kienet fi stat tajjeb ta’ saħħa. Immedjetament it-tarbija ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-ewwel kura. Hemmhekk instab ukoll li t-tarbija kienet tassew f’kundizzjoni tajba anki għaliex mill-ħin tal-ħlas sal-ħin tal-abbandun u l-ħin meta nstabet ma kienx tant twil.

Dwar din is-sejba xejn tas-soltu nfetħet inkjesta maġisterjali, li qed titmexxa mill-Maġistrat Joseph Mifsud. Huwa ħatar diversi esperti biex jgħinuh f’din l-inkjesta.

Dwar l-investigazzjoni, l-Pulizija tad-Distrett bdew bl-istħarriġ tagħha, u wkoll qiegħda tkellem xi nies li joqogħdu fil-viċinanzi fuq dak li setgħu raw.

Netnews.com.mt hi nfurmata li l-Pulizija mistennija li ssolvi l-każ u ssib l-omm fi żmien qasir.