Sport Sport Ieħor

Del Potro fil-finali tal-Open tal-Istati Uniti kontra Djokovic

(Ritratt: EPA)

Juan Martin del Potro rritorna fil-finali tal-Open tal-Istati Uniti għall-ewwel darba minn meta rebaħ it-titlu disa’ snin ilu wara li Rafael Nadal kien sfurzat jirtira lejn nofs is-semifinali. Nadal li f’din l-edizzjoni kważi għamel 16-il siegħa fuq il-court, kien għadu ġej minn battalja kontra Dominic Thiem f’umdità kbira. Hu rtira meta kien żewġ sets minn taħt fejn mar jgħannaq lil del Potro.

Del Potro li kien 7-6, 6-2 minn fuq, wasal fl-ewwel finali Grand Slam minn meta rebaħ proprju dan it-tournament fl-2009.

“Mhux l-isbaħ mod kif tirbaħ logħba. Inħobb nilgħab kontra Rafa għaliex hu l-akbar ġellied fl-isport. Ninsab imdejjaq għalih. Ifisser ħafna li rritornajt fil-finali. Ma stennejtx li jkolli finali ta’ Grand Slam fit-tournament favorit tiegħu. Kelli l-akbar memorji f’dan il-court fl-2009 meta għelibt lil Rafa u Roger (Federer). Dakinhar kont għadni tifel u llum kbirt ħafna iżjed,” qal l-Arġentin.

Del Potro kien mar fuq quddiem fid-disa’ logħba tal-ewwel set, iżda naqas li jieħu ż-żewġ sets points li kellu meta kellu s-service. L-ewwel set kellu jkun deċiż b’tie-break, b’livell għoli ta’ logħob. Kien l-Arġentin li kkontrolla l-logħba qabel ħa l-opportunità mat-tielet okkażjoni biex rebaħ l-ewwel set f’siegħa u disa’ minuti.

L-Ispanjol li kien għeleb lil del Potro fis-semifinali tal-Open ta’ Franza u l-kwarti tal-finali ta’ Wimbledon din is-sena, deher jinsab fiżikament tajjeb iżda kien sfurzat jieħu time-out mediku wara t-tielet logħba tas-set ta’ wara. Hu kellu l-irkoppa tal-lemin infaxxata.

Nadal li kien qed ifittex ir-raba’ suċċess fi New York u t-18-il Grand Slam fil-karriera, deher affettwat hekk kif ma setax idur kif irid. Del Potro ħa vantaġġ billi rebaħ it-tieni set qabel mal-Ispanjol xejjer rasu għall-aħħar darba u feraħ lill-ġgant Arġentin.

“Kont naħseb 2-2 u 15-0 fl-ewwel set li ħassejtha. Kellimt lit-tim tiegħi immedjatament li ħassejt xi ħaġa fuq l-irkoppa. Wara kont qed nara jekk f’xi mument il-kundizzjoni kinitx se titjieb. Iżda ma kinitx il-ġurnata,” qal Nadal wara l-logħba.

L-Ispanjol żied li stenna sakemm seta’, iżda qal li f’xi punt ried jieħu deċiżjoni. Hu saħaq li kien diffiċli għalih li jibqa’ jilgħab fil-kundizzjoni li kien minħabba li kien muġugħ. Nadal kompla li dak ma kienx mod kif logħba tennis tintemm għaliex tenna li kien hemm plejer jilgħab u l-ieħor fuq in-naħa tal-court. Hu qal li jobgħod jirtira iżda kien ikun wisq għalih biex jibqa’ jilgħab għal set ieħor.

Hu se jkun qiegħed jilgħab fil-finali kontra Novak Djokovic, tennist li rebaħ sitta mill-aħħar seba’ logħbiet del Potro. Djokovic għandu rekord ta’ 14-il rebħa minn 18-il logħba.

Novak Djokovic kiseb l-14-il rebħa konsekuttiva fuq Kei Nishikori hekk kif għadda għall-finali tal-Open tal-Istati Uniti. Djokovic patta għas-semifinali tal-2014 biex kabbar ir-rekord personali ta’ 15-2 kontra Nishikori, b’rebħa ta’ 6-3, 6-4, 6-2.

It-tennist ta’ 31 sena li kien qed jagħmel il-11-il dehra konsekuttiva fis-semifinali, rebaħ issa 25 mill-aħħar 27 logħba, sensiela pożittiva li tinkludi r-rebħ tat-titli ta’ Wimbledon u l-Masters ta’ Cincinnati.

Is-Serb jidher li reġa’ sab il-forma tiegħu wara li rebaħ Wimbledon għar-raba’ darba. Hu deher f’forma brillanti f’kundizzjoni tajba f’Arthur Ashe Stadium.

Nishikori naqas li jilgħab il-finali ta’ Grand Slam għal darba oħra wara li kellu mixja simili erba’ snin ilu. Hu kien għadu ġej wara konfront iebes kontra Marin Cilic fis-semifinali. Is-sid numru 21 kien weġġa’ l-polz tard is-sena l-oħra li waqqfet il-progress tiegħu.

Iż-żewġ tennisti urew tennis mill-aqwa, iżda s-Serb mar eqreb li jgħaddi għall-finali meta għalaq it-tieni set bis-service. Il-livell milgħub ta’ Djokovic baqa’ konsistenti fit-tielet set hekk kif kiser is-service tal-avversarju darbtejn oħra u spiċċa biex għalaq il-logħba f’sagħtejn u 22 minuta.