Lokali

Il-KSU u l-UESA jilmentaw minn deċiżjoni nieqsa mill-konsultazzjoni

L-Università ta' Malta

Dan wara li tħabbar li l-istudenti li ggradwaw fl-inġinerija mill-MCAST se jibdew jingħataw il-warrant bħalma jirċievu dawk li jiggradwaw mill-Università ta’ Malta.

Il-Kunsill Studenti Universitarji u l-UESA, l-Assoċjazzjoni li tirrappreżenta lill-istudenti tal-Inġinerija fl-Università ta’ Malta, qed jitolbu lill-Gvern għal iktar informazzjoni wara li l-Ġimgħa fil-midja tħabar li l-istudenti tal-inġinerija fl-MCAST se jibdew jingħataw il-warrant.

Fi stqarrija konġunta, il-KSU u l-UESA esprimew id-diżappunt tagħhom li din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr konsultazzjoni u ħabbru li l-mistoqsijiet tagħhom dwar din il-mossa tal-Gvern baqgħu mhux imwieġba.

Iż-żewġ entitajiet studenteski qed jitolbu li jiġu ppubblikati r-riżultati ta’ studji li skont il-Ministru Ian Borg saru minn esperti Ġermaniżi. Dan bl-iskop ta’ trasparenza u kjarifika.

Innuttaw ukol li filwaqt li l-Ministru Borg iddikjara li l-istudenti li jiggradwaw mill-MCAST jeħtieġ li jagħmlu interview addizzjonali biex jingħataw il-warrant, hu ma tax informazzjoni dwar dan u kif se jwassal biex jintlaħqu l-istandards neċessarji.

It-tħassib tal-KSU u l-UESA hu wkoll dwar jekk hux se jinbidlu r-rekwiżiti neċessarji biex wieħed japplika għall-kors tal-MCAST fl-inġinerija, biex dan ikun tal-istess livell għal dak offrut mill-Università ta’ Malta.

Dan għaliex, fil-preżent, il-kors tal-Università jitlob marka Grad Ċ fil-Matematika u l-Fiżika f’livell Avvanzat kif ukoll ċertifikat tal-matrikola. Għall-kuntrarju, għall-kors tal-MCAST wieħed irid medja ta’ Grad Ċ jew aħjar għall-Matematika u Fiżika A Level jew inkella Diploma Avvanzata relatata maħruġa mill-MCAST.

Fl-istqarrija jingħad ukoll li jeżistu dubji dwar kif studenti tal-MCAST li diġa’ ggradwaw se jiġu mħarrġa jew eżaminati mill-ġdid biex ikunu jistgħu jagħmlu l-interview għall-warrant. Dan biex l-istudenti taż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi jkunu fuq l-istess livell, inkella jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet fuq il-professjoni.