Lokali Saħħa

Illum Jum Dinji tal-Prevenzjoni tas-Suwiċidju – “Hemm bżonn li l-qasam mentali jingħata l-importanza”

“Diġà qegħdin tard, qed naraw problemi kbar fil-qasam mentali, u hemm bżonn li dan il-qasam jingħata l-importanza meħtieġa llum qabel għada.”

F’Jum Dinji Net News tkellem mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali Mario Galea fejn qalilna li kul ma jmur persuni li qed jaqgħu f’dipressjoni u jkunu f’riskju li jwettqu s-suwiċidju qed jiżdied.

“F’pajjiżna hemm il-ħtieġa li nħarsu u nippjanaw fuq kif se nagħtu aktar għajnuna lil dawk fil-bżonn” – Mario Galea

Tieħux riskju, kellem ‘il persuna, u ħajru biex isib għajnuna, u kun int anzi l-ewwel għajnuna tiegħu. Dan kien il-qofol tal-parir ta’ Galea għal dawk li anki jitkellmu b’ton ċajtier fuq is-suwiċidju.

Mario Galea, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa Mentali

Huwa ssokta dan il-messaġġ billi qal li xi kultant permezz ta’ messaġġi bħal dawn il-persuni f’riskju jkunu qed jagħtu ħjiel għal talba t’għajnuna b’mod indirett.

Galea qalilna wkoll li ċertu kummenti llum il-ġurnata qed din jinstabu fost iż-żgħażagħ u hemm bżonn li ssir aktar ħidma fuq dan.

Fid-dawl ta’ dan kollu Mario Galea apprezza u radd il-ħajr il-ħidma li ssir mill-NGO Crisis Resolution Malta, iżda madankollu appella għal aktar għajnuna. Huwa saqsa għalxiex mhux qed issir ħidma biex il-Crisis Intervention Team, terġa tingħata l-ħajja kif suppost biex tkun tista’ tgħin lil min hu fil-bżonn.

Dr. Mark Xuereb, li jmexxi t-tim ta’ voluntiera fi ħdan il-Crises Resolution Malta permezz ta’ stqarrija għamel l-istess talba li qed jagħmel Marion Galea, biex ikun hemm aktar riżorsi biex jiġu salvati dawn il-ħajjiet, bħalma huma karozzi li jkunu kontinwament preżenti fit-toroq u fi nħawi fejn tista’ tintervjeni u jgħinu lil persuni f’sitwazzjoni ta’ kriżi

L-istatistika turi li bejn 20 u 40 Malti u Għawdxi jikkommettu suwiċidju kull sena. Ma’ kull persuna li titlef ħajjitha b’suwiċidju, jiġu effettwati sitt persuni oħrajn. Jirriżulta wkoll minn studji u stħarriġ li sar dwar dawn il-kriżijiet, li jkun hemm 1,500 persuna oħra fis-sena li jaħsbu li jwettqu suwiċidju.

Intant permezz ta’ Tweet il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-investiment fis-saħħa mentali huwa kruċjali, u għandha tingħata importanza nazzjonali. Huwa qal li kelma tbissima lil xi ħadd taf tbiddel ħajjet xi ħadd u li kulħadd għandu l-potenzjal li jkun ambaxxatur għall-kura fis-saħħa mentali.