Edukazzjoni Lokali

L-SDM bi stqarrija dwar il-kontroversja tal-warrants tal-inġiniera

L-għaqda studenteska SDM ħarġet stqarrija fejn uriet is-sostenn tagħha lill-Kunsill Studenti Universitarji u l-UESA, L-Assoċċjazzjoni Studenti Universitarji tal-Inġenjerija fil-kwestjoni tal-warrants tal-inġiniera.

L-istqarrija tgħid li hekk kif qalu anke l-KSU u l-UESA, il-Ministeri għat-Trasport u l-Infrastruttura u dak għall-Edukazzjoni u l-Impjieg, naqsu milli jispjegaw kif it-tqassim tal-warrants se jeffettwa l-istudenti tal-MCAST u l-Universita’, u dwar in-nuqqas ta’konsultazzjoni fid-deċiżjoni meħuda.

Din l-istqarrija tiġi wara dik maħruġa bejn il-KSU u l-UESA, u wara li tħabbar li studenti tal-MCAST se jibdew jirċievu warrants ta’ inġiniera mis-sena d-dieħla.

Fi stqarrija konġunta, il-KSU u l-UESA esprimew id-diżappunt tagħhom li din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr konsultazzjoni u ħabbru li l-mistoqsijiet tagħhom dwar din il-mossa tal-Gvern baqgħu mhux imwieġba.

Iż-żewġ entitajiet studenteski talbu li jiġu ppubblikati r-riżultati ta’ studji li skont il-Ministru Ian Borg saru minn esperti Ġermaniżi. Dan bl-iskop ta’ trasparenza u kjarifika.

Innuttaw ukol li filwaqt li l-Ministru Borg iddikjara li l-istudenti li jiggradwaw mill-MCAST jeħtieġ li jagħmlu interview addizzjonali biex jingħataw il-warrant, hu ma tax informazzjoni dwar dan u kif se jwassal biex jintlaħqu l-istandards neċessarji.

Il-KSU u l-UESA urew ukoll it-tħassib dwar jekk hux se jinbidlu r-rekwiżiti neċessarji biex wieħed japplika għall-kors tal-MCAST fl-inġinerija, biex dan ikun tal-istess livell għal dak offrut mill-Università ta’ Malta.

Dan għaliex, fil-preżent, il-kors tal-Università jitlob marka Grad Ċ fil-Matematika u l-Fiżika f’livell Avvanzat kif ukoll ċertifikat tal-matrikola. Għall-kuntrarju, għall-kors tal-MCAST wieħed irid Grad Ċ jew aħjar għall-Matematika u Fiżika A Level jew inkella Diploma Avvanzata relatata maħruġa mill-MCAST.

Fl-istqarrija huma qalu wkoll li jeżistu dubji dwar kif studenti tal-MCAST li diġa’ ggradwaw se jiġu mħarrġa jew eżaminati mill-ġdid biex ikunu jistgħu jagħmlu l-interview għall-warrant. Dan biex l-istudenti taż-żewġ istituzzjonijiet edukattivi jkunu fuq l-istess livell, inkella jeżisti riskju ta’ riperkussjonijiet fuq il-professjoni.