Sport Waterpolo

Ben Plumpton irebbaħ in-knock-out lil San Ġiljan bl-aħħar xutt tal-logħba

(Ritratt: Martin Agius)

SAN ĠILJAN TUM INVEST……….. 10

NEPTUNES LEO VEGAS……………. 9

(1-2), (2-2), (2-4), (5-1)

L-aħħar xutt tal-logħba ta rebħa drammatika għal San Ġiljan TUM Invest li temmew l-istaġun bir-rebħ tan-knock-out għar-raba’ sena konsekuttiva. Konfront li għal ħinijiet twal dehru li setgħu jitilfu, iżda rnexxielhom iwettqu rimonta mill-isbaħ biex b’hekk taffew ftit għad-disfatta tal-kampjonat.

Neptunes kellhom il-logħba f’idejhom iżda naqsu li jikkontrollaw it-tliet gowls vantaġġ, fejn ħassew in-nuqqas ta’ Stevie Camilleri li ġie fouled-out fl-aħħar nofs tar-raba’ sessjoni.

Kienet logħba mill-isbaħ għal darba oħra bejn żewġ timijiet tal-istess livell u żgur li dawk preżenti ħadu pjaċir bl-andament tal-logħba, li għal darba oħra kellha kontroll tajjeb mir-referees Massimo Angileri u Raffaele Colombo.

Kienu San Ġiljan li bdew tajjeb u rebħu l-ewwel sessjoni 2-1 b’Paul Fava jiskorja l-gowl tal-vantaġġ b’xutt preċiż wara li Gabriel Pace kien wieġeb għall-gowl tal-vantaġġ ta’ Matthew Zammit. It-tliet gowls waslu minn okkażjonijiet ta’ man-ups.

Neptunes tjiebu b’mod konsiderevoli fit-tieni sessjoni, dawru l-iskor u bdew iżommu aktar il-pussess fl-attakk. Petar Muslim u xutt sabiħ ta’ Jordan Camilleri poġġew lil Neptunes minn fuq. Ben Plumpton ġab id-draw mix-xellug b’xutt tajjeb għar-rokna, iżda reġa’ kien Muslim li daħħal lit-tim tiegħu 4-3 minn fuq.

Stevie Camilleri rdoppja l-vantaġġ fit-tielet sessjoni, iżda reazzjoni minn San Ġiljan wasslet biex l-ewwel kien Plumpton li skorja mill-viċin, u Dino Zammit ġab id-draw b’kontrattakk.

Iżda s-sessjoni kien għad fadal nofsha b’Neptunes jerġgħu jieħdu l-logħba f’idejhom. Il-veteran Niki Lanzon skorja l-gowl tas-6-5 b’xutt preċiż mil-lemin, biex kien Stevie Camilleri li skorja doppjetta b’xutt tipiku tiegħu u għamilhom 8-5 b’kontrattakk.

San Ġiljan baqgħu jittamaw sal-aħħar mumenti wara li daħlu fil-logħba b’gowls ta’ Matthew Zammit u Paulo Obradovic. Fatt importanti kien li fl-azzjoni tal-gowl ta’ Obradovic, ġie fouled-out Stevie Camilleri, b’nofs sessjoni għat-tmiem.

Dino Zammit ġab id-draw b’żewġ minuti għat-tmiem iżda dan il-gowl deher li seta’ kien inutli minħabba li Gabriel Pace skorja ġmiel ta’ gowl b’36 sekonda għat-tmiem u b’hekk Neptunes kienu qrib doppjetta.

Iżda kien għad fadal ħin u wieħed ftit kien jaħseb li t-tmiem tal-logħba seta’ jseħħ kif ġara. Paulo Obradovic ġab id-draw b’21 sekonda għat-tmiem. Kien għad hemm ċans għall-aħħar attakk ta’ Neptunes biex jirbħu l-logħba, iżda f’kontrattakk Ġiljaniż, Ben Plumpton avvanza u b’xutt mid-distanza għeleb lil Alan Borg Cole għal rebħa drammatika, fost il-ferħ tal-partitarji u plejers Ġiljaniżi.

Wara ċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers u l-partitarji, il-President tal-ASA u l-Uffiċjal Kap tal-BOV Anthony Scicluna preżentaw it-trofew lill-captain ta’ San Ġiljan Matthew Zammit.

San Ġiljan: J. Tanti, P. Borg, A. Galea, B. Grech, C. Farrugia, M. Zammit (1), B. Plumpton (3), Da. Zammit, T. Said, P. Obradovic (2), P. Fava (1), Di. Zammit (2), T. Micallef

Neptunes: A. Borg Cole, N. Lanzon (1), K. Erdogan, G. Pace (2), P. Muslim (2), N. Zammit, S. Camilleri (3), J. Camilleri (1), J. Abela, M. Zammit, J. Muscat, M. Azzopardi, J. Parnis

Referees: Massimo Angileri, Raffaele Colombo