Lokali

Il-Unions tal-Pulizija bi kliem ta’ appoġġ għall-uffiċjali involuti fil-protesta tal-bieraħ

Qed issir investigazzjoni interna

Kemm il-Police Officers’ Union kif ukoll il-Malta Police Association kellhom kliem ta’ appoġġ għall-Pulizija wara l-iżviluppi li seħħew fil-bini tal-Awtorità tal-Ippjanar meta attivisti ambjentali minn Kamp Emerġenza Ambjent u mill-Moviment Graffiti ġew sfurzati joħorġu ‘l barra mill-bini waqt li kienu qed jipprotestaw.

Filwaqt li l-Ispettur Sandro Camilleri qal fuq Facebook, f’isem il-POU-GWU – li jekk se jkun hemm proċeduri kontra l-Pulizija, dawn se jaqbżu għalihom, il-Malta Police Association qalet fi stqarrija li ma jidhirx li l-Pulizija użat forza sproporzjonata.

Il-Malta Police Association qalet fl-istqarrija tagħha li kienet qed tikkummenta wara li b’dispjaċir innutat il-kummenti tal-Prim Ministru Joseph Muscat meta qal li mħasseb b’dak li ġara. Il-Prim Ministru qal ukoll li kien iddiżappuntat bil-mod kif il-Pulizija użat id iebsa ma’ dawk li kienu qed jipprotestaw.

Dawn l-iżviluppi seħħew ukoll fid-dawl ta’ investigazzjoni interna li qed issir mill-Korp tal-Pulizija biex ikun stabbilit eżattament x’ġara.

Però il-Malta Police Association, fl-istqarrija tagħha qalet li minn dak li deher fil-filmati li ttellgħu fil-media lokali, ma deher imkien li l-Pulizija użat forza sproporzjonata ma’ dawk li pprotestaw meta daħlu b’mod illegali ġewwa l-binja tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni qalet li l-Pulizija għamlet dak li kellha d-dmir li tagħmel u ħarġet lil dawn in-nies ‘il barra mill-binja fejn kienu daħlu b’mod abbużiv u bl-intenzjoni li jfixklu laqgħa li kienet għaddeja.

L-Assoċjazzjoni żiedet li l-grupp kellu jinħareġ mill-binja mill-Pulizija b’mod fiżiku wara li dawn ġew mitluba u ordnati biex joħorġu minn hekk, imma għal xi raġuni naqsu milli jobdu l-ordnijiet leġittimu li ngħataw lilhom.

Infatti, tkompli tgħid l-Assoċjazzjoni, wara li nħarġu mill-binja, il-grupp tħalla jkompli bil-protesta tagħhom fit-triq u għaldaqstant huwa assurd li l-Pulizija ġiet akkużata wkoll li pprovat toħnoq il-vuċi tal-entitajiet li bdew jipprotestaw.

“Hawnhekk nixtiequ nistaqsu x’qegħdin jippretendu l-politiċi tagħna meta l-Pulizija jkunu affaċjati b’din is-sitwazzjoni: Jixtiequ li nkunu passivi u nħallu lil kulħadd jagħmel li jrid?” staqsiet l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija fl-istqarrija tagħha, li żiedet tgħid li kummenti bħal dawn iservu biex ikissru l-morali ta’ min ikun qiegħed hemm barra fit-triq biex jaqdi dmiru.

Fl-istqarrija, il-Malta Police Association kompliet tgħid li tixtieq tippreċiża li bl-ebda mod m’hi tgħid li l-Pulizija m’għandiex tinżamm kontabbli ta’ xogħlha. Qalet li jekk għandha ssir investigazzjoni jew inkjesta fuq dak li seħħ, issir. Madanakollu, kull kumment ta’ kundanna qabel l-eżitu ta’ tali inkjesta jew investigazzjoni jkun frivolu u jservi biss biex issir ħsara, temmet tgħid l-Assoċjazzjoni.