Internazzjonali

L-Istati Uniti: Lejn avventura ġdida għal turisti fl-ispazju

Bruce McCandless

Il-kumpannija SpaceX, li hi bbażata f’Kalifornja, ħabbret pjan ġdid biex jittella’ turist fl-ispazju għal vjaġġ madwar il-qamar. Il-proġett qed jibbaża fuq vettura spazjali bl-isem Big Falcon Rocket (BFR) li qed ikun iddisinjat bil-għan li jwassal lin-nies – jew turisti – lejn iz-zoni mbegħdin fl-ispazju.

Il-kunċett ta’ din l-avventura tinkorpora l-kunċett tal-‘passiġġier privat’ u kelliema għal SpaceX qalu li l-kumpanija ‘waslet fi ftehim mal-ewwel passiġġier’ biex idur madwar il-qamar permezz tar-rokit BFR. Dawn il-kelliema ma tawx aktar dettalji iżda sostnew li għandhom jiżvelaw aktar informazzjoni fil-bidu tal-ġimgħa d-dieħla.

Dan il-mezz uniku ta’ ‘turiżmu’ qed jingħata promozzjoni bħala ‘pass importanti ’l quddiem għan-nies li dejjem kienu joħolmu li jivvjaġġaw fl-izpazju.’

Sadattant, din mhix l-ewwel darba li SpaceX – li titmexxa mill-imprenditur tal-Internet, Elon Musk – ħabbret pjani għall-‘vjaġġi tat-turisti madwar il-qamar’.

Il-bniedem qatt ma reġa’ mexa fuq il-qamar miż-żmenijiet tal-vjaġġ storiku ta’ Apollo, fl-1972, li jibqa’ jissemma fost l-aktar missjonijiet spazjali tal-Istati Uniti li qatt irnexxew.