Għax mhux kapaċi jsolvi l-problema tal-immigrazzjoni u m’għandux pjan għall-immigrazzjoni, il-Prim Ministru Joseph Muscat qed jispiċċa jinħela fl-ispin u jdawwar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Dan meta Adrian Delia kien ċar li Malta għandha tibqa’ tħares l-obbligi internazzjonali u l-obbligu li nsalvaw il-ħajja iżda għandna wkoll l-obbligu li nħarsu l-interess nazzjonali, l-identità Maltija u l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin. Għalhekk jeħtieġ pjan fit-tul għall-immigrazzjoni.
Qal dan il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija.
Adrian Delia qatt ma qal li Malta għandha ssir il-post fejn jinġiebu u jinżammu l-immigranti kollha iżda għandu jkun biss il-pajjiż li jista’ jikkordina s-salvataġġ tan-nies li jispiċċaw f’diffikultà f’nofs ta’ baħar sabiex ma jintilfux il-ħajjiet. Wara li jsirilhom l-iskrutinju meħtieġ, minħabba ċ-ċokon u d-densità tal-popolazzjoni tagħna, l-immigranti li jiġu salvati, u li jinstab li għandhom id-dritt għall-ażil, ma jibqgħux hawn iżda jmorru immedjatament f’pajjiżi oħra.
Il-Gvern Laburista ma jistax jaħrab mill-fatt li m’għandux pjan għall-immigrazzjoni u li dan in-nuqqas ta’ pjan qed iħalli effett negattiv fuq il-komunitajiet tagħna u f’setturi oħra bħall-pagi, l-prezzijiet, il-kirjiet, l-infrastruttura u t-traffiku. Joseph Muscat għandu jara kif se jibda’ jsolvi dawn il-problemi li qed joħloq hu stess biż-żieda fl-immigrazzjoni bla pjan għax qed ikabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni minflok bil-produzzjoni u mhux jinħela fi spin u jdawwar id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
//= $special ?>

