Futbol Sport

Gżira jirbħu d-Derby tax-Xatt u jaqbżu fl-ewwel post

(Ritratt: Joseph Galea)
Sliema jagħmlu taqsima b’għaxar plejers u jfallu penalty

SLIEMA W…………………………. 0   GŻIRA U…………………………….. 2

Sliema: J. Galea, J. Mintoff (M. Sansone 57’), N. Ashong, G. Adamovic, S. Biancardi. R. Fenech, E. Agius (A. Azzopardi 82’), M. Muchardi, F. Temile, Y. Marzouk (J.P. Farrugia 66’), Jefferson

Gżira: J. Haber, D. Mambouana (C. Gatt Baldacchino 79’), R. Soares, F. Barbosa, J. Corbalan, S. Borg, R. Briffa, E. Zarate (N. Muscat 89’), A. Cohen, A. Samb (Z. Scerri 76’), H. Garba

Imwissija: J. Mintoff 32’, F. Temile 34’ (S), F. Barbosa 36’, E. Zarate 42’ (G), N. Ashong 63’ (S)

Tkeċċa: R. Fenech 45’ (S)

Skorjaw: S. Biancardi o.g. 27’, A. Samb 58’ (G)

Referee: Malcolm Spiteri

Assistent Referees: Edward Spiteri, Duncan Sultana

In-Nazzjon Plejer tal-logħba: Amadou Samb (Gżira United)

Attendenza: 668

Rapport: George Cassar

Gżira United skorjaw gowl kull taqsima biex għelbu lill-ġirien Sliema Wanderers u b’hekk qabżuhom u telgħu fl-ewwel post.

Sliema ħadu żewġ gambetti lejn nofs il-partita li ma qamux minnhom. Fi tmiem l-ewwel taqsima tkeċċielhom plejer u lejn il-bidu tat-tieni waħda fallew penalty u sofrew it-tieni gowl fl-azzjoni ta’ wara. Il-Gżirjani temmew ġimgħa importanti għalihom hekk kif ir-rebħa waslet tlett ijiem wara li f’laqgħa ġenerali straordinarja l-partitarji taw il-fiduċja lill-amministrazzjoni mmexxija mill-President Sharlon Pace.

Għal Gżira kellu debutt pożittiv fid-difiża l-Brażiljan Fernando Barbosa li fil-bidu ta’ din is-sena l-oħra lagħab nofs staġun bil-flokk ta’ Birkirkara. Fl-attakk irritorna n-Niġerjan Haruna Garba li l-istaġun li għadda kien ingħaqad ma’ Gżira f’Jannar u bil-gowls tiegħu għenhom jiksbu t-tielet post storiku fil-kampjonat.

Justin Haber kellu partita tajba bejn il-lasti u fis-26 minuta laqa’ ferm tajjeb ix-xutt fil-baxx ta’ Frank Temile. Gżira skurjaw ftit qabel in-nofs siegħa logħob minn azzjoni mibdija minn Sacha Borg li qassam lil Amadou Samb li l-kross tiegħu mix-xellug kien imxellef minn Stefano Biancardi għal ġox-xibka tiegħu. Dan kien l-ewwel gowl li sofrew Sliema f’dan il-kampjonat. Fi tmiem l-ewwel taqsima tkeċċa Ryan Fenech wara xi rimarki li għadda lejn l-assistent referee hu u ħiereġ mill-grawnd.

Għaxar minuti wara l-bidu tat-tieni taqsima Jefferson twaqqa’ fil-kaxxa minn Rodolfo Soares bir-referee Malcom Spiteri jkun qrib u jordna penalty. Madankollu Justin Haber tar minn tulu fuq ix-xellug tiegħu u laqa’ l-penalty ta’ Mattias Muchardi. Sliema pattew qares għal dan iċ-ċans mitluf għax minuta wara Amadou SAMB irċieva pass fit-tul u għadda l-ballun minn bejn saqajn il-gowlkiper Jake Galea.

Sliema ma għamlu l-ebda reazzjoni bi plejer inqas biex b’hekk Gżira kkontrollaw sal-aħħar u baqgħu mhux megħluba fil-kampjonat.