Sport Sport Ieħor

Simon Yates jirbaħ La Vuelta għall-ewwel darba

(Ritratt: EPA)

Simon Yates rebaħ La Vuelta għall-ewwel darba wara li temm b’suċċess l-aħħar stadju f’Madrid. Teżisti tradizzjoni li fl-aħħar stadju min ikun jinsab fuq quddiem ma jkunx attakkat u għalhekk kien hemm bżonn biss li Yates jaqsam il-linja finali.

Dan is-suċċess fisser li tliet ċiklisti Britanniċi rebħu t-tliet Tours il-kbar fiċ-ċikliżmu. Chris Froome rebaħ il-Giro d’Italia u Geraint Thomas rebaħ it-Tour de France.

It-Taljan Elia Viviani rebaħ l-aħħar stadju li kien twil 100 kilometru fi sprint. Fi tmiem li fih ra diversi ċiklisti f’distakk żgħir, Viviani għeleb liċ-champion tad-dinja Peter Sagan u Giacomo Nizzolo biex kiseb it-tielet rebħa ta’ stadju f’din l-edizzjoni.

B’hekk iċ-ċiklisti Britanniċi rebħu disa’ mill-aħħar 20 Grand Tours, mixja li bdiet meta Sir Bradley Wiggins kien sar l-ewwel Britanniku li jirbaħ Grand Tour, bir-rebħ tat-Tour de France fl-2012. Kien biss darbtejn oħra fil-passat, li ċiklisti mill-istess pajjiż rebħu t-tliet tiġrijiet fl-istess staġun, iżda din hi l-ewwel darba li saret minn ċiklisti differenti.

Yates kien mar fuq quddiem fid-disa’ stadju wara li kien 14-il sekonda wara Alejandro Valverde, li kien rebaħ it-tmien stadju. Iżda Yates kien spiċċa sekonda qabel Valverde wara li Ben King kien inqata’ minn mal-grupp.

Hu tilef il-quċċata fit-12-il stadju, iżda wara li rebaħ l-14-il stadju fit-telgħa ta’ La Camperona reġa’ libes il-flokk l-aħmar. Minkejja li d-distakk kien ta’ ftit sekondi, Yates fetaħ vantaġġ ta’ 20 sekonda fuq Valverde u 25 sekonda fuq Nairo Quintana.

It-time trial tas-16-il stadju setgħet tellfet lil Yates, iżda l-Britanniku kien l-aktar veloċi mill-isfidanti kollha u rebaħ seba’ sekondi oħra fuq Valverde. Dan il-vantaġġ fuq ir-rebbieħ tal-2009 deher li seta’ jkun mhedded iżda hu kważi assigura r-rebħa fid-19-il stadju meta attakka l-aħħar telgħa u għeleb lil Valvede b’aktar minn minuta.

Kif spiċċaw il-21 stadju

1. Elia Viviani

2. Peter Sagan

3. Giacomo Nizzolo

4. Danny Van Poppel

5. Marc Sarreau

6 Jon Aberasturi Izaga

7. Simone Consonni

8. Matteo Trentin

9. Tom Van Asbroeck

10. Ryan Gibbons

Klassifika Finali

1. Simon Yates                  82:05.58

2. Enric Mas Nicolau      +1.46

3. Miguel Angel Lopez    +2.04

4. Steven Kruijswijk        +2.54

5. Alejandro Valverde     +4.28

6. Thibaut Pinot               +5.57

7. Rigoberto Uran            +6.07

8. Nairo Quintana           +6.51

9. Ion Izaguirre                +11.09

10. Wilco Kelderman      +11.11