Futbol Sport

Illum jibda jintlagħab it-tournament tal-Masters marbuta mal-Festi tal-Indipendenza

Bejn illum u għada jintlagħab it-tournament Internazzjonali tal-Masters fil-Victor Tedesco Stadium, tournament li jibda fis-6.30pm. B’kollox se jkun hemm erba’ timijiet parteċipanti f’din l-edizzjoni, Malta Masters, Malta Veterans, Gozo Veterans u t-tim Franċiż Olympique Marseille.

Id-dħul għal dan it-tournament hu ta’ €2, bil-biljetti jistgħu jinkisbu mill-istadium stess fejn id-dħul se jmur għad-Dar tal-Providenza.

Għada l-Erbgħa 19 ta’ Settembru fl-istess ħin se jsir tournament 7-a-side fil-grawnd tax-Xagħra fil-Furjana. Flimkien ma’ Olympique Marseille u Malta Veterans, se jkun hemm it-tim Nigerian Stars bi plejers Niġerjani li fil-passat lagħbu f’xi kamponat lokali. Fost il-plejers li se jilagħbu ma’ dan it-tim hemm Orosco Anonam u Chucks Nwoko.

Olympic Marseille Star Club Veterans hu t-tieni tim ta’ Olympique Marseille. Dan it-tim hu magħmul minn edukaturi u l-kowċis tal-akkademja tal-klabb kif ukoll eks plejers li għandhom bejn 36 u 40 sena. Dawn il-plejers jilagħbu f’kompetizzjoni reġjonali kull nhar ta’ Sibt filgħodu fir-reġjun ta’ Marseille. Ftit tax-xhur ilu dan it-tim rebaħ l-Andorra Senior Cup 2018.

Fost il-lista ta’ 17-il plejer hemm Nicolas Marin u Robin Martial li lagħbu fil-Ligue 1 fi Franza, Sebastian Sansoni li lagħab fl-ogħla diviżjoni Olandiża, Mahraoui Abdelghani li lagħab fit-Tieni Diviżjoni Spanjola u Cyril Arbaud li lagħab fil-Ligue 2 fi Franza. Il-kumplament tal-plejers kollha kienu professjonali fil-karriera tagħhom.