Lokali Qorti

Ordnat iħallas kważi €35,000 lill-persuna li kważi qatel erba’ snin ilu

Żagħzugħ li kien involut f’inċident tat-traffiku 4 snin ilu nstab responsabbli li kkawża l-istess in1ident u kien ordnat li jhallas kważi €35,000 lill-vittma tal-istess inċident.

Il-każ imur lura għas-16 ta’ Awwissu 2004 meta seħħet ħabta bejn tliet karozzi fin-Naxxar fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu. Il-vittma, Gianluca Vassallo, li llum għandu 27 sena kien spiċċa erbat ijiem mitluf minn sensih fit-Taqsima tal-Kura Intensiva fl-Isptar.

Vassallo fetaħ kawża fil-Qorti Ċivili biex jitlob kumpens għad-danni kkawżati minn Samuel Mamo, li kellu 17-il sena dakinhar tal-inċident.

Mill-Qorti rriżulta li Mamo ħa ċ-ċwievet lil ommu u saqilha l-vettura tat-tip Mitsubishi Pajero u dan mingħajr liċenzja tas-sewqan. Meta kien qed jirritorna minn Paceville għall-ħabta tas-1.15 ta’ filgħodu, hu kellu dak li sejjaħlu bħala attakk ta’ paniku u baqa’ dieħel fil-vettura li kienet misjuqa mill-vittma fid-direzzjoni opposta. L-inċident involva wkoll it-tielet vettura.

Mill-provi rriżulta li d-daqqa tant kienet qawwija li Vassallo kellu jinħareġ mill-vettura mill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u għamel erbat ijiem mitluf minn sensih fl-ITU tal-Isptar. Il-vetturi ġarrbu ħsarat estensivi.

Il-Qorti, preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff, sabet lil Mamo responsabbli tal-inċident. Fid-dawl tal-fatt li Vassallo sofra 8% diżabbiltà permanenti, għamel 9 xhur ma jaħdimx u kellu jbiddel ix-xogħol minħabba l-ġrieħi li ġarrab, il-Qorti kkalkulat li d-danni li sofra Gianluca Vassallo jammontaw għal 34,872 ewro. Il-Qorti ordnat li Samuel Mamo jhallas dan l-ammont f’kumpens lil Vassallo.