Lokali

Xahar wara każ simili fl-istess triq – żewġ karozzi u żewġ residenzi jinħarqu fil-Ħamrun

Membri tal-Protezzjoni Ċivili matul il-lejl li għadda kienu nvoluti f’ħidma ta’ tifi tan-nar wara li nar li qered vann tat-tip Citroen Berlingo wassal għal ħsara kbira fi Triq Santu Wistin, fil-Ħamrun.

Net News jinsab infurmat li n-nar beda ftit qabel is-sagħtejn tas-Sibt filgħodu, u nfirex għal vettura Opel li kienet ipparkjata quddiem il-vann wkoll ġarrbet ħsarat konsiderevoli fil-parti ta’ wara tagħha.

Il-każ wassal ukoll biex ħadu n-nar il-faċċati ta’ residenzi biswit l-istess vetturi, b’mod partikolari dik li kien ipparkjat quddiemha l-vann li tagħha nħaraq il-bieb tal-injam fuq barra tagħha.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin. Dan hu t-tieni każ simili fi ftit ġimgħat u fl-istess triq, hekk kif fis-17 t’Awwissu li għadda nar beda minn BMW, iżda nfirex għal fuq vettura oħra tat-tip Alfa Romeo u għamel ukoll ħsara f’residenza.