Iż-żgħażagħ iridu jingħataw l-opportunita’ li jibdlu u jtejbu ‘l-pajjiż

Irridu noħolqu soċjeta’ li jimpurtaha minn kulħadd u rridu pajjiż li fih iż-żgħażagħ jingħataw l-opportunita’ li jibdlu l-pajjiż għall-aħjar.

Dan kien il-qofol ta’ intervista li l-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ta waqt il-programm Focus fuq NET FM. Adrian Delia qal li l-Partit Nazzjonalista ta’ kull sena jiċċelebra l-kisba tal-Indipendenza għax din kienet il-kisba li welditna bħala nazzjon. Illum pero’ irridu naħsbu mhux biss fuq dak li ksibna, imma ukoll irridu naraw fejn irridu mmorru.

Kien hawnhekk li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista rrefera għal viżjoni li nibdew ngħixu f’soċjeta’ li jimpurtaha peress li bħalissa ħafna qed jieħdu d-drittijiet li ksibna tul is-snin forgranted u allura jikber ir-riskju li fl-aljenazzjoni biex nikbru ekonomikanet, ninsew id-drittijiet bażiċi tal-individwi, l-aktar ta’ dawk vulnerabbli.

Adrian Delia tenna l-bżonn li rridu nirristrutturaw is-soċjeta’ Maltija u semma fost l-oħrajn il-vjolenza domestika, fejn minkejja li teżisti liġi, xorta waħda qed jiżdiedu l-vittmi ta’ din il-vjolenza. Il-Kap tal-PN qal li l-Gvern irid jara li l-poplu jibqa’ jiġi edukat, jissaħħu l-proċeduri ta’ prevenzjoni kif ukoll ikunu attrezzati l-miżuri ta’ sorveljanza.

Adrian Delia semma li llum iċ-ċifri juru li l-ekonomija qed tikber, pero’ dan qed iseħħ minħabba ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni, u mhux minħabba l-produzzjoni jew l-għoli fil-pagi. Sfortunatament pero’ qed jiżdiedu dawk li m’għandhomx dak l-aktar bażiku: saqaf fuq rashom, flus għall-mediċini kif ukoll flus għall-edukazzjoni. Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jwassal il-vuċi ta’ dawn l-aktar vulnerabbli, għax hu jimpurtah minn nies, għal kuntrarju tal-gvern li moħħu biss li jonfoq f’kampanji pubbliċitarji.

Mistoqsi dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-PN, Adrian Delia qal li hu minn dejjem emmen li ż-żgħażagħ għandhom jingħataw l-opportunitajiet kollha biex ikunu huma li jfasslu l-politika li tibdel lil pajjiż għall-aħjar. Hu għamel referenza għal programm ta’ formazzjoni politika Future Leaders, programm fi ħdan il-PN u li fih iż-żgħażagħ mistiedna għal taħriġ li jgħinhom jifhmu aktar il-politika. Adrian Delia temm jgħid li jrid li ż-żgħażagħ jaraw lil PN bħala l-mezz kif jistgħu jibdlu u jtejbu l-pajjiż, u dan billi jagħmlu użu mill-kapaċitajiet diversi tagħhom.