Lokali

Nies qrib Chris Fearne jinsistu biex itir il-kummissarju tal-Pulizija

Il-klikka ta’ Kastilja mmexxija mill-Prim Ministru Joseph Muscat, ma tridx iċċedi u terġa’ tbiddel il-Kummissarju tal-Pulizija biex minfloku taħtar is-sitt wieħed.

Qed jinsistu biex isir dan, dawk qrib tal-Viċi Prim Ministru Chris Fearne, bi pressjoni anke waqt laqgħat tal-Kabinett u Grupp Parlamentari Laburista li l-Kummissarju tal-Pulizija mhux kredibbli u għandu jitneħħa.

Iżda l-klikka ta’ Kastilja dan ma tridux għaliex Lawrence Cutajar jobdi l-ordnijiet tagħhom. L-iskuża li qed tinġieb minn ta’ Kastilja hi li jkun ferm iżjed imbarazzanti jekk jerġa’ jinbidel il-Kummissarju għaliex f’temp ta’ ħames snin diġà kellna ħames kummissarji tal-Pulizija.

Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista qalu li waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari Laburista intqal li ma kinux se jpaxxu lil Delia u jneħħu l-Kummissarju issa! Kieku jiġri dan ara kemm iżid kredibilità. Dan il-kliem intqal fid-dawl li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ilu sena jitlob għar-riżenja tal-Kummissarju tal-Pulizija.

Kienu ftit ġimgħat biss wara li Joseph Muscat daħal Kastilja, li qaċċat lil John Rizzo minn Kummissarju tal-Pulizija biex inħatar Peter Paul Zammit,

Ftit aktar minn sena wara, Kastilja neħħiet lil Peter Paul Zammit u nħatar Ray Zammit bħala Aġent Kummissarju tal-Pulizija, li kellu jitlaq ukoll mill-kariga tiegħu wara l-aġir tiegħu fl-involviment fil-każ tal-isparatura tax-xufier tal-eks-Ministru Manwel Mallia.

Warajh inħatar Michael Cassar, li iżda irriżenja wara ftit xhur għal dak li kien tfisser bħala “raġunijiet ta’ saħħa”. Dan kien il-perjodu meta faqqgħu l-Panama Papers fejn ġiet żvelata investigazzjoni li kienet għaddejja mill-FIAU fuq il-Ministru Konrad Mizzi.

Immedjatamentwara nħatar Lawrence Cutajar.. Dan kien ifisser li sa April tal-2016, fi tliet snin mill-elezzjoni ta’ Marzu 2013, Kastilja kienet diġà biddlet ħames darbiet il-Kummissarju tal-Pulizija.

Mhux eskluż li dawk qrib Chris Fearn iridu jneħħu lill-Kummissarju Lawrence Cutajar minħabba li dan qed jipproteġi lil Konrad Mizzi u Keith Schembri, li Chris Fearn ftit li xejn jara għajn m’għajn magħhom.

Sorsi infurmati qalulna li ta’ Fearn iridu jneħħu lil Cutajar qabel ma tasal it-tellieqa għat-tmexxija tal-Partit Laburista wara l-elezzjoni tal-MEPs. Dan għaliex mhux jafdaw li r-riżorsi tal-Pulizija ma jintużawx biex itellfu lil Fearne milli jsir Prim Ministru.

Sadattant f’Kastilja qed iżżid il-pressjoni biex issa jkun l-Uffiċjal Eżekuttiv Ewlieni fil-Korp, Angelo Gafà, li jidħol fit-tmun tal-Korp tal-Pulizija, iżda dan ifisser li ma jkunx hemm Kummissarju li tista’ ddawru kif trid.

Is-sorsi fil-Korp tal-Pulizija jgħidu li l-mod kif inħarġu l-ħatriet ta’ Supretendenti ftit tal-ġimgħat ilu, il-mod kif inħarġu t-transfers tal-Ispetturi ftit tal-jiem ilu u anki l-ħatriet ta’ aktar Assistenti Kummisssarji tal-Korp, qed iqanqlu ħafna tgergir. Jirriżulta li t-Tmexxija tal-Korp qed tinsisti fil-magħluq li ħafna mid-deċiżjonijiet li ttieħdu f’dan ir-rigward kienu imposti lilha minn Kastilja jew mill-Ministeru tal-Intern direttament.