L-attriċi Maltija Angie Marie Muscat qed tikseb suċċessi fil-karriera tagħha bħala attriċi fi New York, b’sehem f’diversi produzzjonijiet, bħal Golden Boy u ewlieni fosthom il-film qasir Pasquale’s Magic Veal.
Film li fih kellha rwol ewlieni wara li ntagħżlet minn fost 200 persuna u li interpretat tant tajjeb li s-sena li għaddiet wassalha għal nominazzjoni għall-unur tal-aqwa attriċi fil-Brightside Tavern Film Festival.
F’kummenti lil In-Nazzjon, Muscat tgħid li għaliha dawn il-produzzjonijiet huma żvog, l-opportunità li taħrab hi u li magħha tieħu lill-udjenza bogħod mit-traġedji li mdawra bihom id-dinja.
“Nemmen li d-dinja fiha wisq traġedji li l-films jistgħu jaljenaw lil dak li jkun minn dawn it-traġedji. Hu sabiħ li ssib distrazzjoni mit-traġendji u għalhekk, bil-filmati tiegħi, nixtieq li nieħu lill-udjenza f’dinja differenti,” tistqarr l-attriċi Maltija.
Iżda minkejja li llum-il ġurnata tgħix f’dinja totalment differenti mill-irħula kwieti tal-Qala u n-Nadur, fejn għexet u trabbiet qabel marret għal belt movimentata bħal dik ta’ New York, hi ma tinsiex minn fejn bdiet tant li tixtieq taħdem iktar fi produzzjonijiet lokali.
Tiġġudika l-esperjenza tagħha bħala “diffiċli imma waħda sabiħa mmens. Minkejja d-diffikultajiet, trid titgħallem ma taqtax qalbek u tkompli għaddejja b’dak li tkun qed tagħmel sakemm tasal fejn tixtieq.”
Tiddikjara mħabba kemm lejn il-belt li laqgħetha, imma wkoll lejn Għawdex, “gżira kwieta fejn tgħix familti, waqt li fi New York hu post dejjem għaddej, fejn trid tistika biex tlaħħaq. Iż-żewġ postijiet huma d-djar tiegħi, u nimmissja post jew ieħor jekk indum wisq f’wieħed minn dawn il-pajjiż.”
Angie Marie Muscat ħalliet pajjiżna flimkien mal-familja iżda kienet pjuttost b’kumbinazzjoni. Dan hekk kif il-ġenituri tagħha kienu applikaw għal visa 11-il sena qabel din waslet, meta kienu kważi nsewha għalkollox, biex minn razzett illum-il ġurnata spiċċat tgħix f’waħda mill-bliet ewlenin fid-dinja.
Hi baqgħet taħdem biex tikseb dak li tixtieq, minkejja d-diffikultajiet, tant li għall-bidu kienet tagħmel xogħol ta’ waitress f’belt fejn wieħed faċilment iħossu iżolat, imdawwar minn miljuni ta’ nies iżda f’soċjetà individwalistta.
B’dawn id-diffikultajiet li sawruha u saħħewlha l-karattru tagħha biex wassluha għar-riżultati miksuba, hi twassal messaġġ ta’ kuraġġ lil atturi li jaspiraw din il-karriera.
“Nipprova nkun mudell għall-oħrajn,” titkellem magħna Muscat, li tappella biex “ħadd ma jaqta’ qalbu u jibqa’ jiġri wara ħolmietu. Dak li tridu, morru u wettquh, tħallu lil ħadd ifixkilkom. Ħudu t-taħriġ, ħallu pajjiżkom għal Londra u New York għall-aqwa tagħlim u taħriġ u tħallux il-biża’ ttellfikom.”
Attwalment Angie qed taħdem fuq proġetti ġodda, li mistennija jitħabbru fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin u li mistennija jkomplu jtuha iktar prominenza fix-xena tal-films internazzjonali.
//= $special ?>