Lokali

Membru tal-Bord tal-PA tinġieb Malta b’ajruplan privat biex tivvota għall-proġett tad-DB

L-Awtorita tal-Ippjanar ikkonfermat li membru tal-bord tagħha inġiebet abbord ajruplan privat sabiex tivvota għall-proġett propost fuq l-art fejn kien hemm l-ITS.

Jacqueline Gili li vvotat favur dan il-proġett u li tokkupa l-kariga ta’ direttur fid-dipartiment tal-kuntratti, nġiebet Malta minn Sqallija fejn kienet vaganza abbord ajruplan privat fid-disgħa u nofs ta’ filgħodu dakinhar tal-laqgħa. Saħansitra Gili daħlet tard għas-smiegħ tal-laqgħa.

Wara li vvutat favur dan il-proġett, dakinhar filgħaxija għall-ħabta tas-sitta u nofs ta’ filgħaxija hi ttieħdet lura Sqallija biex tkompli l-vaganza tagħha.

Kelliem għall-Awtorita’ tal-Ippjanar kkonferma l-istorja li oriġinat fis-sit elettroniku newsbook.com.mt. Madankollu ma twieġbux mistoqsijiet  dwar kemm ġie jiswa l-vjaġġ u jekk fil-verita dan il-vjaġġ kienx neċessarju. Tant hu hekk li Gili kienet nieqsa minn 29 laqgħa minn 75 laqgħa li fihom ittieħed xi tip ta’ vot dwar xi żvilupp.

Il-proġett kien approvat b’għaxar voti favur u erba’ kontra. Fost dawk li vvotaw kontra kien hemm id-deputat Nazzjonalista Marthese Portelli.