Lokali

Jibdew azzjonijiet industrijali relatati mal-veterinarji tal-Gvern

Mill-Erbgħa, l-impjegati tad-Direttorat dwar ir-Regolamentazzjoni Veterinarja fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima u li huma membri tal-General Workers’ Union bdew isegwu sensiela ta’ azzjonijiet industrijali.

Dan minħabba li ma kienx hemm żvilupi fuq it-tilwima industrijali li kienet issejħet fl-aħħar ġimgħa mill-General Workers’ Union stess dwar il-kundizzjonijiet tal-veterinarji.

L-azzjonijiet industrijali permezz tat-Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi ssejħu hekk kif il-General Workers’ Union iddikjara li ma kelliex triq oħra wara li t-talbiet tagħha ma kinux ikkunsidrati.

Minbarra li l-veterinarji jiċċertifikaw li l-annimali li jiddaħlu l-biċċerija jkunu ħielsa mill-mard u b’hekk il-laħam ikun ċertifikat tajjeb għall-konsum, jaraw ukoll li dawk kollha li huma involuti fl-industrija tal-ikel ikunu qed isegwu u jissodisfaw ir-rekwiżiti legali dwar is-saħħa tal-annimali, il-kwalità tal-għalf u l-kwalità tal-ikel prodott u importat.

Il-General Workers’ Union fi stqarrija fost oħrajn innutat kif sa llum f’Malta m’hawnx il-kors li jwassal għall-professjoni ta’ veterinarji u għalhekk dan jitfa’ piżijiet finanzjarji u sagrifiċċji kbar personali fuq l-istudenti li jidħlu għalih.

Minkejja dan il-union tfakkar li l-pakkett finanzjarju offrut mhux komparabbli mas-suq u ma jilħaqx l-aspirazzjonijiet ta’ dawn il-professjonisti.

Il-General Workers’ Union ħabbret ukoll li lesta teskala l-azzjonijiet li jaffetwaw l-operat tal-biċċeriji jekk ma jkunx hem żviluppi pożittivi.