Ambjent Kultura Lokali

Nuqqas ta’ riżorsi fl-Uffiċċju tas-Sovratindent tal-Patrimonju Kulturali – L-MDA

L-Uffiċċju tas-Sovratindenza tal-Patrimonju Kulturali m’għandux biex jaħdem imma hemm bżonn li l-ħidma tiegħu tkun iktar effiċjenti kemm jista’ jkun malajr.

Hi din it-twissija tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin, li fi stqarrija ddikjarat li qed tirċievi numru kbir ta’ ilmenti dwar il-ħidma ta’ dan l-Uffiċċju.

“L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin tħoss li għadda biżżejjed żmien mill-bidla li saret fl-istruttura ta’ dan l-uffiċċju,” tiddikjara fl-istqarrija, fejn tgħid ukoll li issa qed tistenna li l-uffiċċju jaħdem b’iktar effiċjenza.

L-MDA tgħid li l-problemi huma kawża tan-nuqqas ta’ riżorsi umani li għandu dan l-uffiċċju, kif ukoll li l-Uffiċċju tas-Sovratendenza Kulturali qed jispiċċa mgħobbi b’responsabbiltajiet li jmorru ‘lil hinn mill-kapaċità tiegħu.

Filwaqt li tapprezza l-importanza tar-responsabbiltajiet ta’ dan l-Uffiċċju, l-MDA tiddikjara li ma tistax tittollera l-istat attwali ta’ dan l-Uffiċċju li ġema’ ammont kbir ta’ xogħol b’lura. Dan bil-konsegwenza li l-applikazzjonijiet ta’ żvilupp qed idumu biex jiġu ndirizzati.

L-MDA tistqarr li s-sitwazzjoni hi frustranti għall-applikanti, apparti li qed iżżidilhom l-ispejjeż li eventwalment se jkollha tintrefa’ mix-xerrejja ta’ proprjetajiet ġodda.

“Biż-żieda fl-ispejjeż, u allura fil-prezz tal-proprjetà, il-pubbliku mhux jirrealizza li dan hu wkoll kawża tal-interessi mħallsa minħabba l-burokrazija u ħela ta’ ħin,” tistqarr l-MDA li tappella lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-passi neċessarji biex din il-problema tissolva mill-iktar fis possibbli.